AĠĠORNATA: Il-Pulizija tarresta erba’ persuni li aggredew u serqu tliet persuni

Il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) arrestaw tlett irġiel ftit wara li allegatament attakkaw u serqu tliet persuni. Aktar tard matul dan il-lejl, il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri arrestaw raġel ieħor b’rabta mal-istess każijiet.

Ilbieraħ, għall-ħabta tat-3:00 p.m daħal rapport li raġel kien qed jitlob l-għajnuna wara li kien għadu kif ġie aggredit minn tlett irġiel u minnufih issejħet l-assistenza ta’ uffiċjali tal-RIU li kienu qed iwettqu rondi fiż-żona.

Ir-raġel ta deskrizzjoni tal-persuni li aggredewh u serquh. Waqt li l-pulizija kienu qegħdin iduru l-akwati ifittxu l-aggressuri, fi Triq Mountbatten, f’Tal-Pietà, innutaw persuna li kienet taqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat. Malli lemaħ lill-Pulizija, dan ħarab jiġri, bil-Pulizija ġrew warajh u jarrestawh fi Triq San Ġorġ Preca. Fl-istess waqt, Pulizija oħra tar-RIU lemħu liż-żewġ persuni l-oħra li ukoll qablu mad-deskrizzjoni li ngħatat u ġew arrestati fi Triq Joe Gasan, f’Tal-Pietà ukoll.
Dak il-ħin, il-Pulizija ġew avviċinati minn ġuvni, li qalilhom li kien għadu kemm għamel rapport li ġie aggredit u misruq minn tliet persuni, bl-istess deskrizzjoni li ta r-raġel lill-Pulizija. Ftit mumenti wara l-Pulizija ġew infurmati illi daħal rapport ieħor fejn anzjan ġie aggredit minn l- istess persuni involuti. Wara tfittxija li saret fuq it-tliet persuni arrestati, instabu l-affarijiet li allegatament insterqu minn fuq il-vittmi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija komplew fis-sigħat ta wara’ fejn ġiet identifikata persuna oħra li kienet involuta f’dan ir-reat u ġiet ukoll arrestata.
L-erba’ persuni, ttieħdu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana għal aktar stħarriġ mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar qabel: Anzjan ta’ 68 sena allegatament sofra ksur f’wiċċu wara li lbieraħ wara nofsinhar safa aggredit. Bint l-anzjan kitbet tirringrazzja lill-uffiċjali tal-Pulizija mill-għases tal-Ħamrun, l-Imsida u Tas-Sliema li kkordinaw biex f’ħin qasir qabdu lill-aggressuri.

F’kitba fuq il-profil tagħha, il-mara allegat li missierha kien ġie aggredit minn tliet persuni ta’ karnaġġjon skur “għax riedu sigarett u ma tahomx għax ovjament ma jpejjipx… tawh bil-ponn u bis-sieq sakemm kisrulu l-għadam ta’ wiċċu dan kollu għal €40”.

Finalment hija rringrazzjat lil dawk li assistew lil missierha u lit-tim mediku ta’ Mater Dei.

Share With: