Alvaro Morata lejn ritorn ma’ Juventus?

Hekk kif il-partitarji ta’ Juventus qed jistennew li l-attakkant internazzjonali Urugwajan, Luis Suarez, jingħaqad mat-team favorit tagħhom, qed jissemma’ li jista’ saħansitra jasal ukoll l-eks attakkant tagħhom Alvaro Morata. Kien l-aġent, Giovanni Branchini, li kkonferma dan hekk kif il-Bianconeri qed ifittxu attakkant ieħor wara li Gonzalo Higuain qed jinnegozja biex itemm il-kuntratt tiegħu.

Branchini qal qed jissemmew ħafna attakkanti li jistgħu jingħaqdu ma’ Juventus fosthom Moise Kean, Luis Suarez, Edin Dzeko u Edinson Cavani. Fl-istess waqt ħadd m’hu jsemmi lil Morata li jinsab lest li jitlaq lil Atletico Madrid u jibda avventura ġdida x’imkien ieħor. Dan tal-aħħar kien lagħab ma’ Juventus b’self mingħand Real Madrid bejn l-2014 u l-2016 u kien skorja 15-il goal fi 63 partita.

Share With: