Analiżi internazzjonali: Il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe

Analiżi internazzjonali minn Ruben Briffa

Fit-28 ta’ Awwissu li għadda, il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, ħabbar li kien sejjer jirreżenja minn din il-kariga minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Din ma kinitx l-ewwel darba li saħħet dan il-politiku magħruf sew fl-isfera internazzjonali affetwatlu bil-kbir il-karriera politika tiegħu. 

Għeruq fil-Politika

Shinzo Abe ġej minn familja ta’ politiċi famużi Ġappuniżi. Fil-fatt, missieru kien serva bħala ministru tal-affarijiet barranin filwaqt li nannuh, kien ukoll Prim Ministru Ġappuniż. Nannuh kien wieħed mill-fundaturi tal-partit ta’ Shinzo Abe, jiġifieri l-Liberal Democratic Party, li ddomina l-politika Ġappuniża sa minn meta ġie mwaqqaf, lura fl-1955, meta Abe kellu biss sena.

Viżjoni internazzjonali

Mingħand missieru, Shinzo Abe wiret passjoni kbira għall-politika barranija li matul is-snin li dam fil-kariga ta’ Prim Ministru kienet il- priorità assoluta tiegħu. Matul iż-żmien li dam Prim Ministru, Shinzo kien strumentali sabiex il-Ġappun ħareġ mill-istigma li kien kiseb fit-Tieni Gwerra Dinjija u reġa’ ħa rwol importanti fil-politika internazzjoni. 

Fl-2016, Shinzo daħħal lill-Ġappun fit-Trans-Pacific Partnership, għaqda li tippromwovi l-kollaborazzjoni kummerċjali bejn l-Awstralja, l-Brunei, l-Kanada, ċ-Ċili, l-Malasja, l-Messiku, n-New Zealand, il-Peru, Singapore, l-Istati Uniti u appuntu l-Ġappun. Shinzo ħadem mhux ftit biex din l-għaqda kompliet teżisti wara li fl-2017, il-President Amerikan, Donald Trump, iddeċieda li joħroġ lil pajjiżu minnha, minħabba li skont Trump din l-għaqda kienet qiegħda tkun ta’ tfixkil għall-indipendenza u l-ekonomija ta’ pajjiżu. 

Minkejja dan kollu, Shinzo ma ssuppervjax ma’ Trump u ħadem ħafna biex fl-2019, pajjiżu ffirma ftehim bilaterali mal-Istati Uniti biex isir aktar kummerċ ta’ prodotti agrikoli bejn iż-żewġ pajjiżi. Fil-fatt, ħafna osservaturi politiċi jsostnu li kieku ma kienx Shinzo, r-relazzjonijiet ta’ bejn l-Istati Uniti u l-Ġappun kienu jieħdu l-istess xejra bħal dawk li jeżistu bħalissa bejn iċ-Ċina u l-Amerika.

Barra minn hekk, fl-2019, Shinzo kien il-moħħ wara ftehim kummerċjali ieħor, din id-darba mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, magħruf bħala l-Economic Partnership Agreement, li ffaċilita mhux ftit il-mod ta’ kif il-kumpaniji Ewropej jistgħu jikkompetu fis-suq Ġappuniż.

Shinzo Abe ħadem b’mod meqjus ferm fil-konfront taċ-Ċina. Fl-2012, dawn iż-żewġ pajjiżi kienu kważi f’xifer li jidħlu fi gwerra kontra xulxin fuq il-pussess ta’ xi gżejjer żgħar. Dik il-ħabta, fiċ-Ċina kienu qegħdin isiru ħafna protesti kontra l-Ġappun, li ta’ min jgħid kien ilu jiġi meqjus miċ-Ċiniżi bħala l-għadu etern ta’ pajjiżhom sa minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, kawża tal-atroċitajiet li kienet għamlet l-armata Ġappuniża meta kienet invadiet liċ-Ċina. 

F’dawn il-protesti kienu ġew vandalizzati diversi assi Ġappuniżi fiċ-Ċina, fosthom impjant li jibni l-karrozzi, kif ukoll fabbrika kbira li timmanifattura prodotti elettronici. Biss, Shinzo rnexxielu jikkalma din il- tensjoni u f’dawn l-aħħar snin rajna żieda qawwija fil-kummerċ bejn dawn iż-żewġ ekonomiji kbar, kif ukoll żieda kbira ta’ investiment minn kumpaniji Ġappuniżi fiċ-Ċina, li permezz tagħhom huma kisbu suq enormi għall-prodotti tagħhom. 

Din ir-relazzjoni ġdida bejn iċ-Ċina u l-Ġappun kellha tiġi ċċelebrata permezz ta’ żjara uffiċjali ta’ Xi Jinping, il-mexxej Ċiniż, fil-Ġappun, li kellha tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’dawn l-aħħar 12-il sena. Pero’, l-Covid-19 sfrattat kollox. Ta’ min jgħid li f’dawn l-aħħar jiem, ir-relazzjoni maċ-Ċina reġgħet bdiet tixxellef xi ftit meta numru kbir ta’ politiċi Ġappuniżi kkritikaw bl-aħrax lil Xi Jinping fuq dak li qiegħed jiġri fil-Hong Kong.

Strateġista politiku

Meta wieħed iqis li bejn l-1989 u l-2012, il-Ġappun kellu xejn inqas minn 16-il Prim Ministru differenti, dawn it-tmien snin kemm Shinzo ilu jmexxi lill-Ġappun jammontaw għal perjodu twil hafna. Dan huwa l-frott tal-moħħ strateġiku ta’ Shinzo li rnexxielu jsalva daqshekk fit-tul fl-arena politika ferm diffiiċli tal-Ġappun. 

Fost il-manuvri politiċi li għenu lil Shinzo biex jibqa’ jservi bħala Prim Ministru għal perjodu relattivament twil kien hemm id-deċiżjoni li jiċċentralizza l-mekkaniżmu ta’ tmexxija ta’ pajjiżu f’idejn il-Prim Ministru billi appunta lil diversi esperti bħala d-de factum ministri mingħajr ma ġew eletti. 

Barra minn hekk, Shinzo, rnexxielu jżomm bilanċ bejn id-diversi fazzjonijiet li hemm fil-partit billi bbilanċja t-tqassim ta’ karigi importanti bejniethom.

Il-politika domestika

Shinzo sejjer iħalli wkoll it-timbru tieghu fil-politika domestika Ġappuniża. Shinzo ħadem biex jipprova jikkontrolla l-kankru li qiegħed jaħkem l-ekonomija Ġappuniża, jiġifieri dik ta’ popolazzjoni li qiegħda kulma jmur tixjieħ. Dan billi daħħal diversi miżuri, bħas-servizzi ta’ child care, biex in-nisa jkunu jistgħu jidħlu aktar fis-suq tax-xogħol. 

Fil-fatt, f’dawn l-aħħar snin, in-numru ta’ nisa Ġappuniżi jaħdmu żdied minn madwar 63% għal 71%. Barra minn hekk, Shinzo daħħal aktar nies barranin jaħdmu f’pajjiżu. Jingħad li n-numru ta’ impjegati barranin fil-Ġappun irdoppja mill-2012 sal-lum.

Rigward il-politika tad-difiża, Shinzo rnexxielu jimmitiga xi miżuri li kienu jillimitaw l-operat tal-armata li kienu tfasslu mill-Istati Uniti eżatt wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Permezz ta’ dan it-tibdil, l-Armata Ġappuniża tista’ tibgħat truppi jiġġieldu f’missjonijiet taż-żamma tal-paci f’pajjiżi barranin.

It-tmexxija ta’ Shinzo ma kinitx nieqsa minn ċertu element ta’ kritika. Ċertu miżuri fiskali li daħħal kienu għamlu ħafna ħsara lill-ekonomija Ġappuniza. Fuq kollox, Shinzo sejjer ihalli dejn kbir warajh li jimmonta ghal kwazi 250% tal- Prodott Gross Domestiku. Kritika oħra għal Shinzo kienet rigward id-dewmien tiegħu biex idaħħal miżuri ta’ kontroll kontra l-pandemija.

L-Ulcerative Colitis

Minkejja li Shinzo Abe rnexxielu jegħleb kull ostaklu li sab quddiemu mill-politika domestika, huwa sfortunatament kellu jbaxxi rasu quddiem ostaklu ieħor, li kien ilu jippersegwitah għal snin twal, jiġifieri l-marda kronika li ħakmitu fil-musrana magħrufa bħala Ulcerative Colitis. Din il-marda kienet il-kaġun ewlieni għar-riżenja tiegħu minn Prim Ministru wara biss sena jservi f’din il-kariga, lura fl-2006. 

Però, minħabba li l-marda kienet għadha fil-bidu tagħha, kif ukoll minħabba li kienet instabet mediċina li ttawwal l-ħajja ta’ bniedem li jinħakem minn din il-marda, Shinzo kien irnexxielu jerġa’ jsir Prim Ministru ħames snin wara li kien irriżenja. Biss, issa jidher li l-marda ggravat b’tali mod li saħħet Shinzo sejra tiddeterjora b’mod mgħaġġel ħafna.

Wara Shinzo Abe

Il-favorit li jieħu post Shinzo bħala l-Prim Ministru Gappuniż, kif ukoll bħala mexxej tal-Liberal Democratic Party huwa Suga Yoshihide, li f’dawn l-aħħar snin kien l-id il-leminija ta’ Shinzo minħabba li kien is-Segretarju tal-Kabinett tiegħu. Il-ħatra ta’ Yoshidide tiggarantixxi ċerta kontinwità sa tmiem il-leġislatura preżenti, li mistennija tiġi fi tmiemha madwar sena oħra. 

Minkejja li qabel ma ħabbar ir-riżenja tiegħu, l-popolarità ta’ Shinzo kienet qiegħda tmajna, stħarriġ li sar fost il-popolazzjoni Ġappuniża rigward il-prestazzjoni ta’ Shinzo bhala Prim Ministru wara li rriżenja, juri li aktar minn 70% taċ-ċittadini kienu sodisfatti bit-tmexxija tiegħu. Żgur li mexxej bħal Shinzo kien jistħoqqlu jtemm il-karriera politika tiegħu fuq nota ferm aktar pożittiva milli dik li qiegħed fiha l-pajjiż, jiġifieri f’nofs pandemija. 

Share With: