ARA: Miexi ġmielu x-xogħol fiċ-ċentru għall-adoloxxenti bid-droga

Minn CLAUDIO COLEIRO, Filmat: ALAN SALIBA

Iċ-ċentru terapewtiku ġdid għall-adoloxxenti bi problema tad-droga f’Ta’ Kandja, mistenni li jkun lest u jibda jiffunzjona sa nofs is-sena d-dieħla.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon f’kummenti li għadda lil inewsmalta waqt żjara li għamel fuq il-post flimkien mad-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt.

“Faċilità bħal din ma kellniex f’pajjiżna. Huwa pjaċir tagħna bħala Gvern li flimkien mal-Caritas ikollna din il-faċilità li hi ta’ livell għoli ħafna”

Il-Ministru Michael Falzon

F’dan iċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni li qed jiġi żviluppat fuq art kbira ta’ disa’ tomniet, il-Gvern qiegħed jinvesti aktar minn €3.3 miljun u se jkun qed jilqa’ fih madwar 14-il persuna, kemm ġuvinturi kif ukoll tfajliet. 

Iċ-ċentru bl-isem “Tal-Ibwar” se jkun mgħammar bl-aqwa faċilitajiet sportivi flimkien ma’ spazji miftuħa u rikreattivi biex jiffaċilitaw it-triq tar-rijabilitazzjoni. 

F’dawra li għamilna maċ-ċentru stajna ninnotaw li x-xogħol relatat mal-bini huwa kważi lest u bdew ukoll il-finishings. Dan filwaqt li l-ground tal-football u l-ġnien li se jservi bħala terapija huma lesti, bix-xogħol ta’ landscaping jinsab fi stadju avvanzat.

Fil-kummenti tiegħu lil dan il-ġurnal, il-Ministru Falzon qalilna li għal żmien twil inħass il-bżonn li jkollna binja speċjalizzata għall-adoloxxenti u ż-żġħażagħ li għal xi raġuni jkunu waqgħu fil-vizzju tad-droga. 

“Kellna lakuna fejn tidħol rijabilitazzjoni tad-droga fejn jidħlu minuri, ġuvintur u tfajliet, taħt it-18-il sena. Dan iċ-ċentru huwa mmirat speċifikament għal dan u se jilqa’ fih mal-14-il persuna matul il-ġurnata, fejn se jkun hemm programmi differenti,” qal il-Ministru Falzon. “Faċilità bħal din ma kellniex f’pajjiżna. Huwa pjaċir tagħna bħala Gvern li flimkien mal-Caritas ikollna din il-faċilità li hi ta’ livell għoli ħafna.” 

Min-naħa tiegħu, d-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt fisser bħala “pass importanti” l-iżvilupp ta’ dan iċ-ċentru ġdid għall-adoloxxenti bil-problema tad-droga li huwa frott is-sħubija bejn il-Gvern u l-Caritas u “li qed jilħaq lakuna kbira li kellna f’dawn is-servizzi.”

“L-adoloxxenti għandhom bżonnijiet differenti mill-adulti. Għaldaqstant dan hu ċentru li se jħares lejn il-bżonnijiet soċjali u psikoloġiċi ta’ adoloxxenti li għandhom problema tad-droga fl-istess waqt li jgħin lill-familji tagħhom. Apparti hekk, waqt li jkunu qegħdin hawn, se nkunu qed inħarsu lejn l-iżvilupp akkademiku tagħhom,” tenna d-Direttur tal-Caritas. 

“Qed inħarsu li dawn ikollhom korsijiet akkreditati, anke b’ħidma mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, biex meta persuna tkun qed tagħmel programm, tiżviluppa dawk il-ħiliet neċessarji għal ħajja indipendenti wara l-programm.”

Dr Gatt żied jgħidilna li t-tim tal-Caritas diġa’ impjega xi professjonisti b’rabta ma’ dan il-programm li qed ikun imfassal ukoll b’kollaborazzjoni man-National Addictions Advisory Bord immexxi mill-Prof. Richard Muscat. 

“Se jkollna servizzi ta’ counselling, psikologi, social work filwaqt li l-istruttura tal-ġurnata li tkun mimlija minn filgħodu sa filgħaxija għax huwa importanti ħafna li l-adoloxxenti jkunu ngaġġati fl-attivitajiet. 

“Hemm enfasi kbira wkoll fuq it-taħriġ fl-ospitalità, il-litteriżmu fil-midja, għandna post fejn hawn ħafna ambjent naturali allura hemm potenzjal li jitgħallmu fuq l-agrikoltura u anke fuq l-aspett sportiv. Programm ħolistiku li jħares lejn l-iżvilupp sħiħ tal-persuna,” temm jgħid id-Direttur tal-Caritas. 

Intant, dan is-sit tkellem ukoll mal-Psikoterapista Daniel Mercieca, li huwa wkoll il-kordinatur kliniku tal-programm ta’ rijabilitazzjoni f’dan il-post, fejn spjegalna li l-programm se jkun jikkonsisti fi tliet servizzi.

“Għandek is-servizz residenzjali, is-servizz ta’ matul il-ġurnata fejn qed nikkoperaw mal-awtoritajiet tal-edukazzjoni u s-servizzi psikosoċjali fejn il-familji jiġu hawn għax jinnotaw li beda ċertu użu problematiku tas-sustanzi. Il-familji huma importanti ħafna għalina. Ma tistax taħdem ma’ adoloxxent biss li qed jesperjenza l-problema u ma taħdimx ma’ min ikun qiegħed jieħu ħsiebu,” tenna Mercieca. 

Il-programm li se tkun qiegħda timplimenta l-Caritas biex jiġi indirizzat l-użu problematiku tas-sustanzi huwa programm li beda fl-Amerika, jismu 7 Challenges, li permezz tiegħu ż-żgħażagħ ikunu megħjuna biex jieħdu deċiżjonijiet li jwassluhom għal dak li jixtiequ fil-ħajja tagħhom.

Share With: