Attur magħruf jiżvela li għandu l-ALS

Joseph Debono, li jibqa’ magħruf minn bosta għall-karattru komiku James Bondin li interpreta fuq il-programm Xarabank, żvela li għandu l-ALS.

Debono, li fis-snin 80 kien wieħed mill-atturi ewlenin fis-sensiela satiro-politika “Aħna aħna jew m’aħniex”, semma fuq il-mezzi soċjali kif huwa kien qed jilgħab it-tennis meta waqa’.

Huwa mar għand fiżjoterapista li irreferih għal ortopedista imma minkejja li saritlu operazzjoni baqa’ ma rkuprax.

Kien meta mar għand newrologu li ikkonfermalu għandu l-imsemmija kundizzjoni li taffettwa n-nervituri tal-ġisem.

Huwa stqarr li idejh ftit jista’ jużahom u anke saqajh ġew affettwati tant li għandu bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor.

Debono esprima kliem ta’ tiftħi lejn Bjorn Formosa, li wkoll għandu l-ALS, u se jgħinu fit-tentattiv li jinġabru flus biex tinfetaħ it-tieni Dar Bjorn.

Fil-preżent hawn madwar 50 persuna fil-‘waiting list’ biex jidħlu f’din id-dar fejn tingħata kura lil persuni b’kundizzjonijiet simili.

Fis-27 ta’ Settembru se ssir maratona ta’ ġbir ta’ fondi ntiża proprju biex jinġabru flus għal dan il-proġett.

Share With: