Awdjo: “Il-pandemija affettwat ħażin l-adozzjonijiet”- Il-Ministru Michael Falzon

Miktub Minn Claudio Coleiro

Il-pandemija tal-Covid-19 affettwat b’mod ħażin ħafna l-adozzjonijiet ta’ tfal barranin minn koppji Maltin. Iddikjara dan il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon f’kummenti li għadda lil inewsmalta.

Huwa stqarr li: “l-adozzjonijiet minn barra l-pajjiż hija xi ħaġa li niffaċilitaw u ngħinu biex issir. Min-naħa l-oħra, nixtieq nara aktar adozzjonijiet lokali, din hija x-xewqa tiegħi.”

“Fir-rigward tal-adozzjonijiet minn barra l-pajjiż, il-pandemija ħalliet l-effetti tagħha. Kellna pajjiżi pereżempju l-Indja, minn fejn jiġu l-akbar numru ta’ tfal għall-adozzjoni, shutdown li ilu għaddej ix-xhur.”

“Fil-każ tal-Indja jiġu tfal aktar żgħar fl-età, waqt li mill-Portugall u l-Islovakkja jiġu l-aktar tfal li jkunu qabżu ċertu età u jkunu aħwa wkoll. Għandna wkoll il-Bulgarija miftuħ,” spjega l-Ministru Falzon li żied jirrimarka wkoll kif il-Gvern qed iħares li jkompli jiftaħ għal aktar adozzjonijiet minn pajjiżi oħra. 

Il-Ministru Falzon fakkar ukoll kif f’Lulju li għadda daħlet fis-seħħ il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, liġi li tant kien hemm bżonnha, speċjalment fejn jidħlu tfal vulnerabbli. Fost id-diversi tibdiliet li saru f’din il-liġi hemm li tfal li jkunu ilhom ħames snin f’‘foster care’ ikunu jistgħu jiġu adottati. F’ċirkostanzi straordinarji iż-żmien ta’ stennija jista’ jinżel biss għal sentejn.

Intant, il-Ġimgħa filgħodu tħabbar li se jibda jsir użu mit-teknoloġija tal-‘blockchain’ fil-qasam tal-adozzjonijiet, u dan bil-għan illi jitnaqqas il-ħin tal-proċess tal-adozzjoni, kif ukoll titnaqqas drastikament il-burokrazija. Sal-lum, il-proċess kollu jirrikjedi ħafna karti u applikazzjonijiet. 

It-tul tal-proċess sa issa jiddependi minn ammonti kbar ta’ dokumenti illi  jridu jaslu ukoll bil-posta minflok b’mod diġitali. Dan irid jieħu f’konsiderazzjoni wkoll l-ammont ta’ partijiet involuti f’dan il-proċess fosthom il-ġenituri adottivi prospettivi, l-Aġenziji Akkreditati, l-Awtorità Ċentrali Maltija, il-pajjiż minn fejn tkun ser issir l-adozzjoni, kif ukoll entitajiet tas-saħħa u l-qrati Maltin u tal-pajjiż involuti.

B’mod partikolari, permezz ta’ din it-teknoloġija se jiġi ffaċilitat il-proċess tat-tiftix tal-oriġini tal-persuna sabiex verament jiġi imħares l-aħjar interess tat-tfal. Dan għaliex permezz ta’ din it-teknoloġija l-proċess tal-adozzjoni kollu se jkun b’mod diġitali u jinżamm b’mod iktar sigur u għaldaqstant persuna tkun tista’ tmur lura għal proċess tal-adozzjoni tagħha.

Share With: