Barcelona jkomplu jsegwu lil Georgino Wijnaldum

Il-club mill-Primera Liga Spanjola, Barcelona, stqarrew li għadhom ma kellmux formalment lil Liverpool biex jakkwistaw lill-player ta’ nofs il-ground Olandiż, Georginio Wijnaldum. Huwa għandu 29 sena u qed jinteressa mhux ftit lill-coach il-ġdid tal-Katalani Ronald Koeman li jixtiequ miegħu fl-istaġun li ġej.

Qed tissemma’ ċifra ta’ €15-il miljun biex jiġi akkwistat dan il-midfielder li hu magħruf għall-viżjoni tajba u l-ħeffa tiegħu.

Wijnaldum ingħaqad mar-Reds fis-sena 2016 u magħhom lagħab 141 partita u skorja 14-il goal. Dan il-player huwa kkunsidrat li kien strumentali biex Liverpool jirbħu l-kampjonat wara nuqqas ta’ 30 sena.

Huwa kien jilgħab b’mod regolari taħt il-gwida tal-coach, Jurgen Klopp. Dan tal-aħħar ma jixtieqx li jħallih jitlaq u se jagħmel minn kollox biex ikun parti mill-iskwadra għall-istaġun li ġej. 

Minkejja kollox, Wijnaldum huwa lest biex minn Anfield imur jilgħab fin-Nou Camp.

Fil-fatt huwa diġá wiegħed lil Blaugrana li lest biex jilgħab magħhom.

Minkejja kollox sakemm ma jkunx hemm ftehim bejn iż-żewġ clubs dan it-trasferiment għadu mhux possibbli. Barcelona jistgħu jkunu l-ħames club fil-karriera tiegħu wara li fil-passat huwa lagħab ukoll ma’ Feyenoord, PSV Eindhoven u Newcastle United.

Barcelona qed ifittxu li jibnu team kompletament ġdid hekk kif jidher ċar li tliet stilel minn tagħhom, jiġifieri Lionel Messi, Luis Suarez u Ivan Rakitic, se jkunu qed iħallu n-Nou Camp.

Share With: