Battibekk bejn Frank Lampard u Jurgen Klopp

Il-coach ta’ Chelsea Frank Lampard jinsab f’battibekk mal-kollega tiegħu ta’ Liverpool Jurgen Klopp wara allegazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar fuq il-mod ta’ kif qed jonfqu l-flus il-Blues. 

Fil-fatt Klopp qal li Chelsea qed jonfqu ċerti flus fi players bl-addoċċ filwaqt li meta tkellem dwar clubs oħrajn li jiffurmaw il-Kampjonat Premier Ingliż, hu fissirhom bħala clubs li huma mmexxija minn dittaturi li ma jridu xejn ħlief l-unuri u l-flus.

Il-coach Ġermaniż qal li jinsab kuntent li l-club tiegħu ma jġibx ruħu bħal dawn lt-clubs partikolarment Chelsea u Manchester City. Hu semma’ wkoll li tal-ewwel kellhom mument fejn ma setgħux jixtru players minħabba xi irregolaritajiet finanzjarji fil-passat.

Minkejja kollox, il-coach ta’ Chelsea Frank Lampard ftit deher impressjonat b’dawn il-kummenti. Hu qal li xogħlu hu li jmexxi lit-team tiegħu u ma joqgħodx iħares lejn min imexxi l-clubs u ħafna affarijiet oħra li skond hu huma irrelevanti.

Lampard qal li ċerti coaches imisshom jaħsbu fuqhom infushom aktar milli joqogħdu jaraw it-tibna f’għajnejn ħaddieħor. B’referenza diretta għat-team li jilgħab f’Anfield, Lampard qal li ċerti clubs li jikkritikaw ikunu huma stess li jonfqu l-flus mingħajr ma jaħsbu għal-liema raġuni għamlu dan. Hu semma’ b’mod partikolari lil Virgil Van Dijk, Alisson Becker, Fabinho, Nabi Keita, Sadio Mane u Mohamed Salah li kollha nxtraw bi prezz għoli. 

Sadanittant ħafna kritiċi tal-football Ingliż semmew dawn il-battibekki bħala logħob ta’ tfal. Huma qalu li ma jistgħux jemmnu kif coaches tal-kalibru ta’ Lampard u Klopp jispiċċaw jaqgħu għall-provokazzjoni ta’ xulxin.

Sadanittant Chelsea wkoll kienu attivi s’issa f’dan is-suq tat-trasferimenti tas-sajf meta kisbu lil Timo Werner, Kai Havertz, Hakim Ziyech u Thiago Silva filwaqt li jinsabu viċin li jiksbu l-firma tal-goalkeeper ta’ Rennes, Edouard Mendy.

Share With: