Bernard Grech jieħu l-prekawzjonijiet hekk kif martu rriżultat pożittiva għall-COVID-19

Fi stqarrija maħruġa mill-kandidat għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kkonferma li għadhom kemm ġew infurmati li martu Anne Marie rriżultat pożittiva għall-COVID-19.

Spjega wkoll li wara li Anne Marie saret taf li kien hemm każ pożittiv ta’ persuna li tattendi fil-gym li tattendi hi, fuq parir tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, hi iżolat ruħha mill-ewwel u ħadet test li ħareġ negattiv. 

Minkejja dan fuq parir tal-istess awtoritajiet mediċi baqgħet f’iżolament, u wara li ħadet test ieħor, issa dan irriżulta pożittiv. Waqt dan il-perjodu minn meta martu saret taf bil-każ pożittiv hu ma kienx f’kuntatt magħha. Minkejja dan huwa qiegħed jieħu d-deċiżjoni li minnufih jiżola ruħu b’mod prekawzjonali u qed isegwi l-pariri tal-professjonisti mediċi li qed jassistunh. Għalkemm m’għandu l-ebda sintomu, huwa se jkun qed jissospendi ruħu fiżikament minn din il-kampanja. 

Grech temm jgħid li sakemm jinħareġ aġġornament ieħor, is-sehem tiegħu f’din il-kampanja se jkun wieħed virtwali. 

Share With: