Delia u Grech ikomplu bil-botti waqt il-kampanja

Il-Kap tal-PN jgħid li llum il-partit sar tal-ħafna u mhux tal-ftit; il-kontestant tiegħu jwissi li l-partit qed jiżżerżaq

Il-Kap tal-PN Adrian Delia u l-kontestant ewlieni għal din il-kariga Bernard Grech komplew jgħaddu l-botti waqt il-kampanja elettorali li qed jagħmlu b’rabta mal-elezzjoni ta’ Ottubru li ġej.

Għalkemm s’issa m’hemm data ippjanata, l-Avukat Peter Fenech li jmexxi l-Kummissjoni Elettorali tal-PN ta x’jifhem li din se ssir sa nofs Ottubru fejn huma eliġibbli li jivvutaw madwar 26,000 tesserat.

Sakemm issir l-elezzjoni ż-żewġ kandidati, li għad iridu jiġu approvati uffiċjalment mill-organi tal-partit, komplew iduru l-lokalitajiet biex jiltaqgħu man-nies.

Wara waħda miż-żjarat tiegħu Delia irrimarka fuq il-mezzi soċjali li “tliet snin ilu t-tesserati għamlu għażla importanti biex il-PN ikun tal-ħafna u mhux tal-ftit u sostna li llum wasalna f’dan il-punt sforz reżistenza għal dan it-tibdil tant bżonnjuż”.

Huwa żied li l-PN irid ikun miftuħ għal tiġdid sostanzjali fil-ħsieb, l-ideat u f’persuni ġodda li jixtiequ jagħtu l-kontribut waqt li nsista li dan jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm għaqda b’lealtà.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Grech sostna li dawk li għandhom għal qalbhom lil pajjiżna jixtiequ PN b’saħħtu li joffri alternattiva u jerġa’ jkun rebbieħ imma saħaq li dan jista’ jsir biss jekk jaħdmu flimkien biex ma jibqgħux jiżżersqu ‘l isfel u jekk jingħaqdu u jirnexxu.

“Ninsab determinat li flimkien nibdlu r-rotta. Mhux biss fil-partit imma anke fil-pajjiż”, żied jgħid l-kandidat li dawk li ma jridux lil Delia qed jittamaw li jeħodlu postu.

Iż-żewġ kandidati ċaħdu wkoll stejjer li dehru dwarhom b’Delia jgħid li mhux veru li huwa m’għaddix mid-‘due diligence’ li qed jagħmel il-partit dwarhom u Grech jgħid li waqt l-istess proċess għadda t-tagħrif dwar il-ħlas ta’ taxxa li skont ġurnal lokali naqas li jagħmel għal diversi snin.

Share With: