“Dover tagħna li ngħinu lil min għandu d-dimensja u lil dawk li jieħdu ħsiebhom”

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji dwar l-Alzheimer, Inewsmalta titkellem mal-Professur Charles Scerri, għalliem fl-Università ta’ Malta u riċerkatur dwar id-dimensja 

Minn Claudio Coleiro

X’inhi d-dimensja u liema faxxa ta’ etajiet tolqot l-aktar? 

Id-Dimensja hi kundizzjoni fejn għandek ċertu partijiet mill-moħħ li jibdew imutu b’rata mgħaġġla, kważi b’mod allarmanti, u allura l-funzjonijiet li dawn il-partijiet tal-moħħ kienu jagħmlu, jibdew imutu magħhom. Hawn qed nitkellmu dwar partijiet tal-moħħ li jieħdu ħsieb funzjonijiet bħall-memorja, komunikazzjoni, kif iġġib ruħek u attivitajiet li tagħmel ta’ kuljum kemm dawk sempliċi kif ukoll oħrajn aktar kumplessi.

Id-Dimensja hi progressiva. Għandna din l-idea żbaljata li d-Dimensja narawha qisha dejjem fl-aħħar stadju tagħha, fejn il-persuna titlef ħafna kapaċitajiet. Fil-verità tibda bil-mod u jista’ jkun fil-bidu l-persuna tibqa’ tiffunzjona, anke b’xi għajnuna tal-membri tal-familja. Tajjeb ngħidu li l-ikbar numru ta’ persuni bid-dimensja jgħixu fil-komunità u mhux f’homes.

Id-Dimensja ma taqbdekx meta tkun biss anzjan jew ta’ ċertu età. Tista’ taqbdek ta’ kull età però aktar ma tikber, aktar ir-riskju jikber. Dan ma jfissirx li n-nies li għadhom relattivament żgħar, anke fuq it-tletinijiet u l-erbgħinijiet, ma jistax jaqbadhom id-dimensja. 

Ħafna drabi li jiġri huwa persuna li tkun żgħira tibda tosserva ċertu sintomi, ma jeħdux parir professjonali u allura ma jaqbduhiex fil-bidu. Naturalment iktar ma tikber, aktar tiġi komuni. Tant hu hekk, li nofs il-persuni li jaqbżu l-95 sena ikollhom id-dimensja.

X’inhi s-sitwazzjoni f’Malta?

Bħalissa nikkalkulaw li f’pajjiżna għandna mas-7,000 ruħ li għandhom id-dimensja. Dan l-ammont dejjem qiegħed jikber għax il-popolazzjoni Maltija qed tgħix iktar. Il-fatt li inti qed tgħix iktar se tidħol f’etajiet fejn id-dimensja se tkun aktar komuni u għalhekk se jkompli jikber in-numru. Huwa stmat li sas-sena 2050, se jkun hawn mat-13,000 persuna bid-dimensja.

Hawn Malta nikkalkulaw li għal kull persuna bid-dimensja hemm tlieta jew erba’ persuni li b’xi mod  jew ieħor ikunu qed imissu magħha. Allura ma tistax tara dawk in-numri biss. Għalhekk ma tistax titkellem biss fuq il-persuna li għandha l-kundizzjoni imma trid titkellem ukoll fuq il-persuni li jkunu qed jieħdu ħsiebhom għax huma wkoll ikunu qed jagħmlu s-sagrifiċċji tagħhom.

Nikkalkula li madwar 70% – 80% tal-persuni bid-dimensja jgħixu ġewwa djarhom megħjuna mill-membri tal-familja tagħhom. Allaħares ma kienx hekk. Għax kieku min se jgħinhom dan-nies? Dawn ikollhom jaqgħu fuq is-servizzi governattivi li jkun ifisser aktar spejjeż.

Kif tikkumpara s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna ma’ barra?

Barra minn Malta l-maġġor parti tal-persuni bid-dimensja wkoll jibqgħu jgħixu fil-komunità. Dan għaliex persuna li jkollha din il-kundizzjoni tgħaddi perjodu twil ħafna fejn ma jkollhiex bżonn kura speċjalizzata imma tkun tista’ tibqa’ għaddejja bl-għajnuna mid-dar.

Naturalment il-persentaġġi barra minn Malta huma ftit inqas minn tagħna. Pereżempju l-Ingilterra qed ngħidu bejn 50% u 60%. Għax fl-Ingilterra, l-ulied jkunu jgħixu f’żoni li huma ‘l bogħod minn fejn jgħixu l-ġenituri tagħhom jew min ikollu d-dimensja. 

Hawn Malta kien sar studju fejn sibna sistema ta’ kura li ma ġiet irrapportata mkien aktar li hi “rotation of care”, fejn persuna bid-dimensja timxi minn dar għall-oħra kultant żmien. Pereżempju dil-ġimgħa toqgħod miegħi, il-ġimgħa d-dieħla m’oħti u ta’ wara ma’ ħija.

Mhix l-aħjar soluzzjoni imma hija l-unika soluzzjoni li sibna fejn il-familji jistgħu jlaħħqu biha. Barra minn Malta ma jistgħux jagħmluha din minħabba d-distanza. Pero’ għalkemm tinvolvi ċertu sagrifiċċji, hawn Malta tidher li taħdem. Idealment le. Għax ma jaqbillekx persuna bid-dimensja tmexxiha minn post għall-ieħor. 

X’tip ta’ għajnuna tingħata lil dawk li għandhom id-dimensja? Kien hemm xi żviluppi fil-kura?

Fil-verità sar żvilupp żgħir ħafna. Kellna erba’ mediċini li kienu jintużaw għas-sintomi tal-iktar forma komuni tal-Alzheimer Disease. Dan l-aħħar hemm mediċina li qed tiġi studjata u analizzata mill-awtoritajiet regolatorji li tiġi b’żieda ma’ dawn imma għadha ma ħarġitx kompletament. Għadhom qed isiru l-aħħar studji dwar din il-mediċina, li ukoll tattakka s-sintomi. 

Però sa issa ma għandna xejn li jfejjaq il-kundizzjoni u jwaqqaf il-proċess tal-ħsara li ssir fil-moħħ jew li jirritorna l-moħħ għal li kien. Din hi waħda mill-aktar kundizzjonijiet kumplikati li għandna sfortunatament. Kull persuna kważi tirrispondi differenti u waħda mill-aktar drawbacks li għandna hu li l-ħsara fil-moħħ tibda minn ħafna qabel ma joħroġ l-ewwel sintomu.

Apparti minn hekk, ma hemmx biżżejjed flus fir-riċerka daqskemm hemm f’kundizzjonijiet oħrajn avolja din hi l-aktar kundizzjoni li tiswa flus globalment. Biss biss fl-2018 is-somma globali li jaħsbu li ntefqet fid-dimensja kienet triljun dollaru.

Hemm xi ħaġa li l-bniedem jista’ jagħmel biex itawwal milli jaqbdu d-dimensja?

Bħal kull kundizzjoni oħra hemm “risk factors” u “protective factors”. Ir-riskji huma ta’ żewġ tipi – dawk li tista’ timmodifika u dawk li ma tista’ tagħmel xejn dwarhom. Dwar din tal-aħħar hemm l-età, jekk tikber ir-riskju se jikber miegħek u ma tistax treġġa’ l-ħin lura, u  hemm ukoll il-ġeneru (in-nisa taqbadhom iktar mill-irġiel). 

Imbagħad hemm affarijiet oħrajn li tista’ timmodifika. Dak li jagħmel ħsara lill-qalb jagħmel ħsara lill-moħħ ukoll. Qed nitkellmu fuq pressjoni għolja, kolesterol għoli u obeżità. Dawn li ġejjin tista’ tikkontrollahom b’xi mod – tipjip, xorb jew daqqiet repetuti fuq ir-ras li huwa riskju kbir.

Huwa importanti li żżomm ruħek attiv fiżikament u mentalment. Kompli involvi ruħek dwar x’inhu jiġri madwarek. Kul sew – dieta mediterranja. Tista’ wkoll titgħallem xi lingwi ġodda.

Mill-esperjenza tiegħek f’dan is-settur, liema kien l-aktar każ li tibqa’ tiftakar?

Niftakar aktar minn każ wieħed. Se nsemmilek żewġ każi biex tara kemm il-kura fil-komunità hi b’saħħitha. Naf persuna li ilu bid-dimensja 25 sena. Imma dan tant jingħata kura mit-tfal tiegħu, li jżommuh fuq l-idejn litteralment, li rajt li r-rata ta’ ‘decline’ tiegħu setgħet ġiet affettwata bl-ammont qawwi ta’ kura li ngħata.

Dan għadu jgħix fil-komunità u għalkemm wasal fi stat li lil uliedu ma tantx jirrikonoxxihom minħabba l-kundizzjoni tiegħu, qisu jħoss li hu mdawwar b’ċertu mħabba. 

Każ ieħor partikolari, li rajtu anke issa fil-Covid, fejn jiġu persuni jgħidulek “jiena naf li din il-kundizzjoni tħalli lati negattivi imma sirt aktar qrib ta’ ommi, sirt aktar qrib ta’ missieri. Kelli ċans inħobbhom iktar.” U dik lili għallmitni. Jiġifieri hemm lati pożittivi ħafna tal-kundizzjoni. 

Għalkemm il-kundizzjoni hi dik li hi dawn in-nies bi ftit kura jgħixu ħajja b’dinjità kbira. Però rridu nagħtu sostenn ukoll lil dawk li jkunu qed jgħinu lil dawn in-nies. Għalhekk bħala awtoritajiet qed nagħfsu ħafna biex inżidu s-servizzi fil-komunità biex aħna ngħinu lil dawn in-nies fil-komunità u anke lill-‘care givers’.

Huwa dover tagħna bħala pajjiż, bħala soċjetà, li ngħinu mhux biss lil min għandu d-dimensja imma lil min ukoll ikun qed jieħu ħsiebhom.

Fl-aħħar nett, tħoss li hawn biżżejjed għarfien dwar il-kundizzjoni?

Qatt m’hawn biżżejjed għarfien. L-għarfien għandu jibqa’ għaddej il-ħin kollu. Però għamilna kambjament kbir hawn Malta. Trid tqis li pajjiżna huwa wieħed mill-ftit pajjiżi li għandu strateġija dwar id-dimensja li ġiet imnedija fl-2015 u kważi 60% tagħha diġà ġiet implimentata.

Problema waħda għandna hawn Malta – m’għandniex biżżejjed nies imħarrġa f’dan is-settur. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ aktar flus fir-riċerka. Dan għaliex għandna bżonn nifhmu l-pajjiż tagħna fejn sejjer għax b’hekk biss tista’ tara x’servizzi hemm bżonn u x’servizzi għandek tippjana għall-futur. B’hekk tkun qiegħed tilqgħalha minn qabel.

Meta kkumparati ma’ pajjiżi oħra, l-għarfien tagħna sploda. Għandna wkoll id-dementia helpline. Jiġifieri għandna ħafna affarijiet imma rridu nkomplu ninvestu fuqhom għax nafu li ekonomikament dan jagħmel sens. 

Din hija l-aktar kundizzjoni li tiswa flus. Mela jekk int taħseb minn qabel se tiffranka ħafna ‘l quddiem u nkunu qed ngħinu lil dawn in-nies.

Share With: