Dr Victoria Buttigieg magħżula bħala l-Avukat Ġenerali ġdid … l-ewwel mara li se tokkupa din il-kariga

Dr Victoria Buttigieg intgħażlet bħala l-Avukat Ġenerali ġdid ta’ Malta. Dan wara li l-Avukat Ġenerali preċedenti, Dr Peter Grech, temm mill-kariga li okkupa għal dawn l-aħħar għaxar snin.

Din hija l-ewwel darba li qed jinħatar Avukat Ġenerali ġdid wara s-separazzjoni tal-istess uffiċċju lura f’Diċembru li għadda, meta l-istess Dr Buttigieg kienet intgħażlet bħala l-ewwel Avukat tal-Istat ta’ pajjiżna.

L-Avukat Ġenerali l-ġdid qed jinħatar wara sejħa pubblika u ntgħażel minn Kummissjoni ta’ Ħatra indipendenti komposta minn tlett imħallfin irtirati. Il-Prim Ministru Dr Robert Abela rċieva r-rakkomandazzjoni mill-istess Kummissjoni u filwaqt li ġiet aċċettata, il-Prim Ministru informa lill-President ta’ Malta biex issir il-ħatra.

Dr Buttigieg se tkun qed tħalli l-kariga tagħha bħala Avukat tal-Istat, kariga li okkupat hi għall-ewwel darba f’Diċembru tal-2019, biex se ssir l-ewwel Avukat Ġenerali mara ta’ pajjiżna.

Dr Victoria Buttigieg, li għandha 43 sena, gradwat fil-Liġi mill-Università ta’ Malta fl-2001. Hi kompliet l-istudji tagħha fejn reġgħet gradwat bil-Masters fis-Servizzi Finanzjarji.

Fl-2007, bdiet taħdem mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fejn wara li kisbet l-esperjenza neċessarja, anke nħatret bħala Assistent Avukat Ġenerali. Hawn ħadmet f’għadd ta’ oqsma differenti fil-litigazzjoni, fosthom iċ-ċivil, l-amministrattiv, u l-liġi kostituzzjonali, fejn anke rrappreżentat lill-gvern f’għadd ta’ laqgħat u kumitati internazzjonali. Ikkontribwiet ukoll għal diversi proġetti ta’ riformi fil-liġi.

L-għażla ta’ Dr Buttigieg bħala Avukat Ġenerali ta’ Malta tħabbret illum, fl-aħħar jum ta’ Dr Peter Grech fil-kariga. Il-gvern Malti, waqt li jirringrazzja lil Dr Peter Grech għas-servizz tiegħu tul dawn l-aħħar għaxar snin, jawgura lil Dr Victoria Buttigieg kull suċċess f’din il-kariga.

Share With: