€1 miljun investiment f’xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswija fuq il-Breakwater tal-Port il-Kbir

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar il-Breakwater tal-Port il-Kbir fejn għaddejjin xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswija minn Infrastructure Malta b’investiment ta’ €1 miljun. L-istruttura, li hija maqsuma f’parti twila 370 metru u f’parti ta’ 120 metru, inbniet fl-1910 u tul 110 snin, l-elementi qalgħu numru ta’ knatan li joħolqu r-riskju li aktar ġebel jittiekel u l-ħsarat li jsiru ma jkunux jistgħu jissewwew. Is-sajf li għadda, Infrastructure Malta bdiet tibdel l-elementi nieqsa flimkien ma’ xogħol ieħor ta’ manutenzjoni u restawr fuq din l-infrastruttura kostali importanti.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “dan il-proġett huwa essenzjali hekk kif din l-infrastruttura marittima hija element kruċjali għall-Port il-Kbir, li mhux biss huwa ġawhra mimlija storja u wirt, iżda huwa sors importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Infakkar, iżda, li l-impenn tagħna favur infrastruttura marittima aħjar ma jibdiex u jieqaf ma’ dan il-breakwater, iżda jifrex tul il-kosta marittima tagħna.”

Il-Ministru irrefera għal numru ta’ proġetti oħra ppjanati għaż-żmien li ġej, fosthom l-investiment ta’ €49.9 miljun li se jnaqqas 90% tat-tniġġis fl-arja kawża ta’ cruise liners, bl-isem ta’ Grand Harbour Clean Air Project, kif ukoll proġetti oħra bħar-rikostruzzjoni ta’ Sally Port fil-Birgu u t-titjib ta’ Deep Water Quay, Pinto Wharf, Lascaris Wharf u Fuel Wharf. Sadanittant, huwa semma numru ta’ proġetti li għaddejjin bħalissa, fosthom il-Breakwater fil-Qrejten, u l-proġett fuq il-puntuni tal-irmiġġi f’tal-Magħluq f’Marsaxlokk, il-proġett tal-Menqa fl-Imġarr Għawdex, il-faċilitajiet għas-servizz tat-trasport bil-baħar f’Tas-Sliema u f’Bormla, u l-manutenzjoni u bini mill-ġdid ta’ diversi pontijiet u mollijiet f’Marsaskala, Mġarr ix-Xini, tal-Balluta u ċ-Ċirkewwa. 

Fost ix-xogħlijiet fuq il-Breakwater tal-Port il-Kbir, tim ta’ għaddasa u ħaddiema oħra ġabru l-ġebel oriġinali li kien waqa’ fil-baħar tal-madwar tul is-snin. Dawn ġew imnaddfa u spezzjonati, u dak li seta’ jerġa’ jintuża tpoġġa f’postu mat-tarf tal-breakwater, filwaqt li ġie impurtat ġebel simili minn barriera fi Trani, Puglia biex jieħu post dak li kien imkisser. Għaddej ukoll xogħol ta’ tiswija fuq iċ-ċangaturi tal-gverta u tindif ta’ tbajja tal-qatran u materja oħra. 

Ix-xogħol jinkludi wkoll manutenzjoni fuq il-pont li jgħaqqad in-naħa tal-breakwater ta’ Sant’Iermu mal-Belt. Dan il-pont kien jeżisti fl-1910 iżda tkisser minn bastimenti Taljani waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Tmien snin ilu inbena pont simili fl-istess post u bħalissa għaddejja tiswija u xogħol ta’ żebgħa ġdida fuq l-istruttura tal-ħadid u tibdil ta’ partijiet tal-gverta tal-injam li fihom il-ħsara. Se jiġu mwaħħla poġġamani ġodda u sistema u konnessjonijiet tad-dawl aħjar.

Jekk it-temp jippermetti, ix-xogħol kollu fuq dan il-proġett jitlesta sal-aħħar tas-sena.

Share With: