Euro U/21: Il-Maltin jikkrollaw fit-tieni taqsima

Ritratt: Dominic Borg

Malta ………………. 0

Irlanda ta’ Fuq … 2

F’partita minn Grupp 8 ta’ kwalifikazzjoni għall- Kampjonat Ewropew ta’ Taħt il-21 sena, Malta sofriet żewġ goals fit-tieni taqsima biex sfat megħluba mill-Irlanda ta’ Fuq bl-iskor ta’ 2-0.

Fl-ewwel taqsima, il-Maltin qatt ma kienu inferjuri għall-Irlandiżi, anzi f’xi ħinijiet kienu kemmxejn superjuri. Dan hekk kif kienu komposti b’mod perfett mil-lat tattiku waqt li kontinwament bdew joħolqu l-inizjattiva.

Iżda fit-tieni taqsima, l-istorja nbidlet ta’ taħt fuq, hekk kif l-Irlandiżi dehru kompletament trasformati u pproduċew l-isbaħ logħob, bil-Maltin dehru kemmxejn għaj­jenin u mingħajr ideat.

Il-bidu tal-partita kien wieħed ferm kwiet u nieqes minn kull emozzjoni karatterizzat minn ħafna logħob f’nofs il-ground, biż-żewġ timijiet jistudjaw lil xulxin u b’xi mod jibżgħu jkunu avventurużi.

Kien biss man-nofs siegħa logħob li waslet l-ewwel az­zjoni denja ta’ nota, bil-Maltin joħolqu l-periklu permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Myles Beerman li ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper Irlandiż, Conor Hazard.

Il-Maltin komplew fuq l-offensiva u żewġ minuti biss wara, reġa’ kien Beerman li ħoloq il-periklu għal pajjiżna meta wara li rċieva pass perfett mingħand Aidan Jake Friggieri, avvanza tajjeb iżda Hazard kien pront u ħareġ minn postu biex interċetta kull periklu.

Iżda fil-45 minuta, kontra x-xejra tal-logħob, l-Irlandiżi setgħu marru fil-vantaġġ  minn penalty. Dan meta Myles Beerman waqqa’ lil Ross Larkin fil-kaxxa u mill-11-il metru nkariga ruħu David Parkhouse li iżda ra lill-goalkeeper Malti, Timmy Aquilina, isalva tajjeb bi bravura.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Irlandiżi ħarġu ferm aggressivi u fil-51 minuta setgħu faċilment fetħu l-iskor meta Alistair MCcann tħalla żmarkat fil-kaxxa u kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit barra.

Huma komplew jagħfsu u sitt minuti wara fetħu l-iskor. Dan meta Eoin Taola mill-viċin laqat il-wieqfa, bid-difiża Maltija tonqos li tikklerja l-ballun, biex mir-rebound ROSS LARKIN kien pront u spara ġewwa.

B’mod gradwali, l-Irlandiżi bdew jirriżultaw bħala l-aħjar team fil-ground u fis-67 minuta ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal meta Alfie MCcalmont ipprovda l-assist lejn DAVID PARKHOUSE, li b’intuwizzjoni naturali lejn ix-xibka avversarja, għeleb lil    Aquilina minn pożizzjoni ideali.

MALTA: 12-Timmy Aquilina, 4-Nicholas Pulis, 5-Kurt Shaw 6-Jamie Zerafa (15-David Xuereb 60), 7-Aidan Jake Friggieri (10-Jan Busuttil 61), 11-Myles Beerman, 13-Zachary Grech, 14-Alex Satariano, 16-Nevin Portelli (22-Andrei Spiteri 82), 18-Gary Camilleri (17-Carlo Zammit Lonardelli 71), 21-Ayrton Attard – Coach: Silvio Vella

IRLANDA TA’ FUQ: 1-Conor Hazard, 2-Caolan Marron, 3-Daniel Amos, 4-Ross Larkin (15-Coffee Balmer 89), 5-Eoin Toal, 6-Ethan Galbraith, 7-Nathan Kerr, 8-Alfie MCcalmont (17-Christopher Callagher 80), 9-David Parkhouse (10-Paul O’Neill 90), 11-Caolan Boyd-Munce (16-Jake Dunwoody 63), 18-Alistair MCcann (20-Carl McCean 80)   – Coach: Andrew Crosby

REFEREE: Michal Ocenas (Slovakkja)

ASS. REFEREES: Tomas Vorel, Daniel Polacek (Slovakkja)

RABA’ UFF: Martin Dohal (Slovakkja)

SKORERS: R. Larkin 57, D. Parkhouse 67 (I)

AMMONITI: C. Boyd-Munce (I), K. Shaw (M)

Share With: