F’ġimgħa dawk imfejqa d-doppju tal-każi ġodda

F’temp ta’ ġimgħa, fiequ aktar mid-doppju ta’ kemm ġew irrappurtati każi ġodda ta’ Covid-19. Minn analiżi li għamilna dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, jirriżulta li bejn il-Ħamis 27 ta’ Awwissu u l-Erbgħa 2 ta’ Settembru l-awtoritajiet tas-saħħa rrappurtaw li sabu 180 każ ġdid filwaqt li kienu mfejqa 413-il persuna. Iż-żieda fl-ammont ta’ persuni mfejqa wasslet biex il-każi attivi issa naqsu għal 428.

Din ix-xejra tat-tnaqqis fil-każi u ż-żieda fir-rata ta’ fejqan ilha konsistenti għal dawn l-aħħar jiem u hija riżultat tal-miżuri ta’ restrizzjonijiet li kienu ttieħdu ftit tal-ġimgħat ilu.

L-awtoritajiet tas-saħħa lbieraħ ħabbru li fl-aħħar 24 siegħa nstabu 22 każ ġdid minn fost 2,067 swab test li saru filwaqt li fiequ 37 oħra. Dawn il-każi ġodda għadhom qed jiġu investigati.

Intant, il-Ħamis li għadda ġew irrappurtati 37 każ ġdid u fiequ 44 oħra filwaqt li l-Ġimgħa ntqal li kien hemm 32 każ ġdid u fiequ 65 persuna. Matul il-jum tas-Sibt u l-Ħadd komplew jonqsu l-każi ġodda fejn ġew rappurtati 27 u 15-il każ rispettivament mentri dawk imfejqa kienu 58 u 69 rispettivament.

Matul il-jum tat-Tnejn kien irrappurtat rekord ta’ persuni mfejqa – 87 – filwaqt li nstabu 21 każ ġdid. It-Tlieta ġew irrappurtati li b’kollox fiequ 53 persuna u nstabu 26 każ ġdid, b’sitta minn dawn tal-aħħar ikunu membri familjari ta’ każijiet li huma diġà magħrufa, tlieta oħra kollegi tax-xogħol ta’ każ pożittiv, każ ieħor kien preżenti f’ġabra ta’ nies, u każ ieħor kien impurtat. 

Share With: