FILMAT: Raġel ta’ karnaġġjon skur imut fgat wara li jiġi arrestat mill-pulizija fi New York

Raġel ta’ karnaġġjon skur li ġera għarwien fit-toroq fil-Punent ta’ New York miet fgat wara li grupp ta’ pulizija poġġew borża f’rasu, u sussegwentement għafsulu wiċċu mal-art għal żewġ minuti. Dan skont filmati u rekords li ġew ippubblikati mill-familja tar-raġel fis-sigħat li għaddew.

Daniel Prude miet fit-30 ta’ Marzu li għadda wara li tneħħa minn fuq il-magni, sebat ijiem wara li ġie arrestat mill-pulizija ta’ Rochester. Il-mewt tiegħu ma rċeviet l-ebda attenzjoni pubblika qabel ilbieraħ, meta l-familja tiegħu żammew konferenza tal-aħbarijiet u ppubblikaw filmat miġbud minn bodycam tal-pulizija u rapporti li huma rnexxielhom kisbu.

Il-filmat juri lil Prude, li kien neża’ l-ħwejjeġ tiegħu, jobdi l-ordnijiet tal-pulizija u jintefa’ fl-art u jpoġġi jdejh wara dahru. Fil-filmat Prude jidher aġitat u jibda jgħajjat waqt li jkun bilqiegħda fuq il-bankina mmanettjat. “Agħtini l-pistola tiegħek, għandi bżonnha,” huwa jinstema’ jgħajjat.

Il-pulizija sussegwentement ilibbsulu ‘spit hood’, li tixbaħ lil borza li l-għan tagħha huwa li tipproteġi lill-pulizija mill-bżieq tal-persuna arrestata. Dakinhar tal-inċident, il-belt ta’ New York kienet fl-ewwel jiem tal-pandemija tal-coronavirus.

Prude jinstema’ jgħajjat mal-pulizija biex ineħħuhielu minn rasu.

Pulizija mbagħd jidher jagħafas ras ir-raġel mal-art, filwaqt li pulizija ieħor jidher iżommu magħfus mal-art b’irkopptu.

“Qed jipprovaw joqtluni,” nstema’ jgħajjat Prude fil-filmat.

L-uffiċjali tal-pulizija jidhru jitħassbu wara li r-raġel jieqaf jiċċaqlaq, u jaqgħu fis-skiet wara li jinnotaw ilma ħiereġ minn ħalq ir-raġel.

L-awtopsja kkonkludiet li l-mewt ta’ Prude huwa każ ta’ omiċidju kkaġunat minn “kumplikazzjonijiet ikkaġunati minn nuqqas ta’ ossiġnu waqt li kien qed jiġi miżmum fiżikament”.

Share With: