Finanzjament ta’ €160,000 għall-soċjetajiet kulturali

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar li għall-ewwel darba ngħata finanzjament li jlaħħaq €160,000 lill-għaqdiet li jinkludu dawk tal-armar tal-festi, kulturali u soċjali. Wara li saret evalwazzjoni tal-proġetti sottomessi, ġew magħżula 35 proġett minn għaqdiet volontarji differenti.

Il-Ministru Herrera spjega kif il-Gvern ilu għal diversi snin jgħin il-folklor u t-tradizzjonijiet  Maltin u dan wassal sabiex il-każini tal-baned kienu bdew jingħataw għajnuna finanzjarja. Matul is-snin il-kunċett twessa’ u l-Kunsill Malti għall-Arti kompla jgħin lill-għaqdiet relatati mal-Festa Maltija. Sostna li l-Gvern ser jibqa’ mpenjat sabiex dawn it-tip ta’ għajnuniet finanzjarji jitkomplew matul is-snin.

Albert Marshall, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal li permezz ta’ dawn il-fondi qed jingħata għarfien aktar lix-xogħol importanti li jsir fil-qasam tal-armar tal-festi kif ukoll fl-għaqdiet kulturali, u dan għaliex nemmnu li l-festa hija parti mill-patrimonju nazzjonali.

Eric Fenech mill-Kunsill Malti għall-Arti spjega li b’kollox irċevew 80 applikazzjoni minn  għaqdiet volontarji differenti. Diversi għaqdiet li ġew magħżula ser ikunu qed jirrestawraw l-armar tat-toroq li għandhom preżenti, kif ukoll ser jikkumissjonaw armar ġdid minn artisti Maltin. B’hekk il-fond ser ikun qed jgħin ukoll lill artisti Maltin f’dawn iż-żminijiet ekonomiċi diffiċli minħabba l-pandemija.

Ir-riżultati uffiċjali jinsabu ppubblikati fuq is-sit uffiċjali tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Share With: