Fl-Indja: Tfajla bil-Covid-19 stuprata minn xufier ta’ ambulanza fi triqitha lejn l-isptar

Tfajla ta’ 19-il sena sfat allegatament stuprata minn xufier ta’ ambulanza fi triqitha lejn sptar hekk kif irriżultat pożittiva għall-Covid-19. Skont rapporti fil-midja barranija, it-tfajla sfat attakkata minn V Noufal ta’ 29 sena f’Kerala fl-Indja.

Jidher li l-każ seħħ is-Sibt li għadda, bl-aggressur jiġi arrestat xi sigħat wara. Intqal ukoll li l-aggressur naqas milli jippreżenta ċertifikat ta’ kondotta nadifa qabel ġie impjegat bħala xufier tal-ambulanza.

Skont l-istess rapporti jidher li Noufal għabba lill-vittma kif ukoll mara ta’ 42 sena minn sptar tal-gvern u wara li niżżel lil dik l-akbar fiż-żmien fiċ-ċentru ta’ Aranmula li qed jintuża għall-pazjenti tal-pandemija saq lit-tfajla lejn iċ-ċentru ta’ Pandalam.

Minkejja li għeddidha biex ma tgħid lil ħadd dwar il-każ, l-akkużat talabha skuża tal-għaġir tiegħu qabel niżżilha. Mal-wasla tagħha fl-isptar, it-tfajla qalet b’kollox lil xi ħaddiema tal-post u r-raġel kien arrestat ftit tas-sigħat wara.

Dan mhux l-ewwel każ ta’ stupru fl-Indja hekk kif ftit tal-jiem ilu tifla ta’ tliet snin sfat stuprata u mgħallqa f’Uttar Pradesh.

Share With: