Football tan-Nisa: Il-coach nazzjonali Mark Gatt issejjaħ l-iskwadra għal kontra d-Danimarka

Il-coach tat-team nazzjonali tan-nisa Mark Gatt sejjaħ skwadra ta’ 20 player għal-logħba li se ssir nhar it-Tlieta li ġej kontra d-Danimarka u li hi valida mil-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tan-nisa li se jsiru sentejn oħra. 

Gatt wera fiduċja f’ħafna mill-players tiegħu li kienu parti mill-iskwadra għaż-żewġ logħbiet li saru f’Marzu li għadda fejn Malta rebħu 2-1 kontra l-Georgia u tilfu b’mod drammatiku kontra l-Bosnja Herzegovina bl-iskor ta’ 3-2.

Fl-iskwadra Maltija hemm inklużi diversi players li jilagħbu barra l-pajjiż u li jinkludu lill-attakkant ta’ Sassuolo Haley Bugeja (li għadha ġejja minn debutt tal-ħolm meta skorjat doppjetta kontra Napoli), Nicole Sciberras ta’ Juventus, Emma Lipman u Rachel Cuschieri ta’ Lazio, Martina Borg ta’ Sassari Torres, Maria Farrugia ta’ Sunderland AFC u Ylenia Carabott ta’ RCSC Charleroi.

Sadanittant, iċ-champions Maltin Birkirkara huma rappreżentati minn sitt players filwaqt li ħamsa oħra jiffurmaw parti mill-iskwadra ta’ Swieqi United. Id-difensur ta’ esperjenza ta’ Swieqi United Charlene Zammit tinsab biss logħba ‘l bogħod milli tgħaqqad is-70 dehra mat-team nazzjonali Malti. Fl-istess waqt Mgarr United u Raiders Għargħur huma rappreżentati minn Brenda Borg u Jodie Attard rispettivament.

S’issa t-tfajliet Maltin kisbu erba’ punti minn seba’ logħbiet fi Grupp B wara draw ta’ 1-1 kontra Israel u r-rebħa kontra l-Georgia. Wara dan l-impenn li għanu kontra d-Danimarka, it-team immexxi minn Mark Gatt se jtemm l-impenji tiegħu f’dan il-grupp b’logħbiet barra minn darhom kontra l-Georgia u Israel. 

Finalment fi Grupp B, id-Danimarka qed jaqsmu l-ewwel post flimkien mal-Italja meta għandhom 18-il punt. Huma waslu Malta l-Ġimgħa wara nofsinhar wara li rebħu logħba li lagħbu kontra Bosnja Herzegovina bl-iskor ta’ 4-0.

L-iskwadra Maltija magħżula minn Mark Gatt hi din:

GOALKEEPERS

Janice Xuereb (Birkirkara); Jodie Attard (Raiders Għargħur).

DIFENSURI
Stephania Farrugia (Birkirkara); Emma Lipman (Lazio, Italja); Ann-Marie Said (Birkirkara); Nicole Sciberras (Juventus, Italja); Alishia Sultana (Birkirkara); Charlene Zammit (Swieqi United).

PLAYERS TA’ NOFS IL-GROUND
Brenda Borg (Mġarr United); Ylenia Carabott (RCSC Charleroi, Belġju); Rachel Cuschieri (Lazio, Italy); Jade Flask (Swieqi United); Veronique Mifsud (Birkirkara); Dorianne Theuma (Swieqi United); Emma Xuereb (Swieqi United); Gabriella Zahra (Birkirkara); Shona Zammit (Swieqi United).

ATTAKKANTI
Martina Borg (Sassari Torres, Italja); Haley Bugeja (Sassuolo, Italja); Maria Farrugia (Sunderland AFC Ladies, Ingilterra). 

Share With: