Formula Wieħed: Lewis Hamilton jirbaħ id-90 Grand Prix tal-karriera
Is-sewwieq Britanniku tal-Formula Wieħed, Lewis Hamilton (Mercedes), rebaħ il-Grand Prix li sar għall-ewwel darba fit-Toscana, fiċ-ċirkwit ta’ Mugello.
Dan il-Grand Prix, li kien l-1,000 wieħed tal-Ferrari, irriżulta f’wieħed kaotiku u mimli inċidenti bil-konsegwenza li kellu jieqaf darbtejn filwaqt li 10 karozzi kellhom jirtiraw.
Din kienet is-sitt rebħa ta’ Hamilton f’dan l-istaġun u d-90 waħda tal-karriera tiegħu … biex issa jinsab waħda ‘l bogħod biex jilħaq ir-rekord tal-leġġenadarju, il-Ġermaniż Michael Schumacher.
Fil-veritá, huwa kellu ħruġ ħażin meta nqabeż mill-kollega tiegħu, il-Finlandiż Valtteri Bottas, iżda rkupra biex reġa’ ħa l-kmand ta’ din it-tiġrija.
L-ewwel inċident seħħ meta t-Taljan, Antonio Giovinazzi (Alfa Romeo) ħabat ħafif mas-sewwieq Kanadiż, Nicholas Latifi (Williams) u kellha tinħareġ is-safety car.
Imbagħad, l-Ispanjol Carlos Sainz Jr (McLaren) ħabat ma’ Giovinazzi, liema inċident seta’ kellu konsegwenzi ferm koroh għal Giovinazzi li fortunatament ħelisha ħafif.
Id-Daniż, Kevin Magnussen (Haas) ukoll kien involut f’dan l-inċident, b’erba’ sewwieqa jibqgħu deħlin fil-barrikati.
It-tiġrija reġgħet waqfet temporanjament għat-tieni darba wara li l-Kanadiż Lance Stroll (Racing Point) baqa’ dieħel fil-barrikati b’veloċitá qawwija fejn bħal Giovinazzi, ħelisha ħafif.
Hamilton daħal fl-ewwel post meta rreġistra ħin ta’ 2:19:35.060 segwit minn Valtteri Bottas u l-Britanniku Alexander Albon (Red Bull).
In-naħa ta’ fuq tal-klassifika hija: 190 – Lewis Hamilton; 135 Valtteri Bottas; 110 – Max Verstappen; 65 – Lando Norris; 63 – Alex Albon; 57 – Lance Stroll; 53 – Daniel Ricciardo.