Formula wieħed – Pierre Gasly għall-ewwel darba

Is-sewwieq tal-Formula Wie­ħed, il-Franċiż Pierre Gasly (Alpha Tauri) wettaq sorpriża meta rebaħ il-Grand Prix tal-Italja, li sar fiċ-ċirkwit ta’ Monza, liema suċċess kien l-ewwel wieħed tiegħu tal-karriera.

Fil-veritá, Gasly rebaħ din it-tiġrija kontra kull mistenni, f’ħin ta’ 1:47:06.056 … hekk kif dehret li se tkun faċli għall-Britanniku, Lewis Hamilton (Mercedes) li qabel ma Sebastian Vettel (Ferrari) kellu aċċident, huwa kellu vantaġġ ta’ aktar minn 13-il sekonda fuq l-Ispanjol, Carlos Sainz Jr. (Mc­Laren).

Iżda bil-ħruġ tas-safety car, dan il-vantaġġ sfaxxa fix-xejn.

U hekk kif reġgħet issoktat it-tiġrija, Hamilton reġa’ beda jibni vantaġġ … biex dan  niżel għal żero meta din id-darba kien is-sewwieq l-ieħor tal-Ferrari, Charles Leclerc (Monaco) li kellu aċċident ikrah meta daħal fil-barrikati.

Għal dan il-għan, it-tiġrija ġiet sospiża bis-sewwieqa ji­ġu msejħa biex jidħlu fil-pit-stop. 

Kien hawnhekk li Hamilton ikkommetta żball kbir meta daħal fil-pit wara li kien għadda l-ħin għad-dispożizzjoni tas-sewwieqa … bil-konsegwenza li ngħata penalitá ta’ 10 sekondi.

Kien f’dan l-istadju meta s-sewwieq Britanniku tilef it-tiġrija minħabba li meta ssoktat huwa kellu jidħol fil-pit-stop u jservi l-penalitá biex f’nofs it-tiġrija kellu jibda mill-aħħar pożizzjoni.

Huwa għamel dak kollu possibbli biex jidħol fil-ka­tegorija tal-punti … u kellu jikkuntenta bis-seba’ post … u b’seba’ punti.

Intant, fit-tieni post daħal Carlos Sainz Jr, segwit mill- Kanadiż, Lance Stroll (Ra­c­ing Point), biex il-podju kellu uċuh ġodda din is-sena. 

Min-naħa tagħhom, il-Ferrari komplew jiddiżappun­taw meta ż-żewġ sewwieqa kellhom jirtiraw mit-tiġrija.

Meta fadal disa’ Grand Prix għat-tmiem, il-klassifika ġenerali hija:

164 – Lewis Hamilton; 117 – Valtteri Bottas; 110 – Max Verstappen; 57 – Lance Stroll, Lando Norris; 48 – Alexander Albon; 45 – Charles Leclerc; 43 – Pierre Gasly; 41- Carlos Sainz Jr, Daniel Ricciardo; 34 – Sergio Perez.

Share With: