Ftehim bejn Koperattivi Malta u l-Għaqda Bdiewa Attivi

Koperattivi Malta (KM) u l-Għaqda Bdiewa Attivi (GħBA) għandhom l-għan li l-interess tal-bdiewa Maltin u Għawdxin jiġi mħares u għalhekk qedin jiffirmaw ftehim sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejniethom sabiex jintlaħaq aħjar dan l-objettiv.

Għal dan il-għan, Koperattivi Malta qiegħda toffri l-opportunita` ta’ parteċipazzjoni tal- GħBA fl- organizzazzjoni Ewropeja COPA li tagħha KM hija membru sabiex is-settur agrikolu Malti jkun infurmat b’dak li jkun qed jiġri fil-fora Ewropej u sabiex il-leħen tal-bdiewa lokali jkun jista’ jiġi kkunsidrat u mismugħ fuq livell Ewropew.

Il-COPA (Committee of Professional Agricultural Organizations) tirrapreżenta l-interessi tal- koperattivi tal-bdiewa tal-pajjiżi Ewropej u għandha l-għan li żżomm relazzjoni mal-organi differenti tal-Unjoni Ewropeja sabiex issib soluzzjonijiet adekwati għall-bdiewa Ewropej.

Huwa għalhekk li KM u l-GħBA jemmnu li bi preżenza soda f’dan il-forum, il-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi tal-bdiewa Maltin se jkunu jistgħu jiġu rappreżentati aħjar bil-għan li l-ħidma u l-lobbying tal-COPA tkopri wkoll l-interessi tal-produtturi lokali.

Il-ftehim ġie ffirmat minn Brian Vella- Segretarju Ġenerali ta’ Koperattivi Malta u Malcolm Borg- Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi.

Share With: