Gareth Bale viċin ritorn ma’ Tottenham Hotspur

Tottenham Hotspur huma ferm viċin li jerġgħu jirreġistraw magħhom lill-attakkant internazzjonali minn Wales Gareth Bale mingħand Real Madrid. Dan tal-aħħar huwa barra mill-pjani tal-coach tal-Merengues Zinedine Zidane u ngħata parir li jibda avventura ġdida x’imkien ieħor.

L-attakkant ta’ 31 sena ftit jidher li se jispiċċa bit-tajjeb mat-team mill-belt kapitali Spanjola. Wara l-battibekk li kellu ma’ Zidane, Bale akkuża lill-club li fil-passat imblukkawlu trasferiment lejn iċ-Ċina iżda issa li m’għandhomx bżonnu iktar qed jaraw kif jagħmlu biex jeħilsu minnu.

L-aġent ta’ Bale qed jaħdem sabiex dan iseħħ bil-player innifsu li bħal donnu qed togħġbu din l-idea ma’ team li rnexxa ferm fiż-żmien meta kien magħhom. Minkejja li qed jissemma’ bil-qawwa li anke Manchester United huma interessati fih, Bale jippreferi lil Spurs għax jaf sew l-ambjent tal-club. Barra minn hekk jerġa’ jsib lil Jose Mourinho bħala coach wara li kien mexxih fiż-żmien meta kien ma’ Real Madrid.

Anke l-aġent ta’ Bale Jonathan Barnett ikkonferma li Bale jogħġbu ferm l-ambjent ta’ Tottenham u jekk tiġi l-opportunita’ u jkun hemm qbil fuq dan it-trasferiment, mhux se joqgħod jaħsibha darbtejn sabiex imur magħhom.

Min-naħa tagħhom Tottenham jilqgħuh b’idejhom miftuħa minħabba li bħalissa għandhom bżonn leader fl-attakk speċjalment wara t-telfa  ta’ 1-0 li kellhom f’darhom kontra Everton fl-ewwel ġurnata tal-Kampjonat Premier Ingliż.

Sadanittant qed tissemma’ ċifra ta’ £20miljun li tidher waħda ideali għat-team mill-belt kapitali Ingliża.

Il-kuntratt ta’ Bale ma’ Real Madrid jiskadi fis-sajf tas-sena 2022 iżda dan jista’ jiġi terminat ladarba t-team prospettiv jikseb is-servizzi tiegħu. Hu rebaħ erba’ edizzjonijiet tal-UEFA Champions League mal-Merengues għalkemm lagħab biss 100 minuta sa minn meta reġa’ kompla l-football f’Ġunju li għadda.

Share With: