“Għalina mhux soluzzjoni li nibqgħu nirċievu l-flus biex inżommu l-immigranti f’Malta” Il-PM Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela jilqa’ lil President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel f’Kastilja

Waqt laqgħa li l-Prim Ministru Robert Abela kellu f’Kastilja mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-Prim Ministru Malti tenna li għal Malta s-soluzzjoni mhux dik li nirċievu l-flus biex inżommu l-immigranti hawn iżda li jkun hemm burden sharing. Wara kollox din mhux biss il-fruntiera ta’ Malta, iżda l-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, stqarr il-Prim Ministru Malti.

Dr Abela stqarr ukoll li hemm bżonn li jkun hemm mekkaniżmu solidali permanenti li permezz tiegħu jiġu rilokati wħud mill-immigranti hekk kif kienu ftit il-pajjiżi li ħadu immigranti u ftit in-numri ta’rilokazzjoni.

“Ir-realtà tagħna hija li kull filgħodu l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta jirraporta lilna li hemm numru ta’ dgħajjes mil-Libja u fihom hemm, 90, 100 jew 120 immigrant. Din hija r-realtà li qed jgħix ta’ kuljum il-poplu Malti u Għawdxi”, qal Dr Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa segwa b’attenzjoni dak li qalet Ursula von der Leyen fejn hemm bżonn li jkun hemm bilanċ f’soluzzjoni għall-umani b’mod uman imma dan għandu jsiru wkoll billi wieħed jisma’ dak li jkunu qed jgħidu l-pajjiżi milquta b’mod dirett mill-immigrazzjoni, bħal pajjiżna. Għaldaqstant naqblu ma’ dan il-mod, iżda aħna naffaċċjaw sitwazzjonijiet kuljum u llum il-ġurnata qegħdin f’punt fejn m’għandiex aktar spazju fejn nilqgħu aktar immigranti, saħaq Dr Abela.

Official Visit of the President of the European Council Charles Michel – Signing of Visitors Book – Official Photo Bilateral meeting between the two delegations at the Cabinet Hall

Bħalissa ma jeżisti l-ebda pjan ħolistiku fuq din l-isfida u kollox qed jimxi każ każ, dgħajsa, dgħajsa, qal il-Prim Ministru Abela filwaqt li stqarr fuq kull każ ta’ dgħajsa li jkun hemm jispiċċa jkun hemm stand-off dwar min hu responsabbli, jekk l-immigranti għandhomx jidħlu Lampedusa, liema hi l-bandiera li jtajjru, jekk għandhomx imorru lura l-Libja jew inkella f’liema żona ta’ tiftix u salvataġġ kienu jinsabu.  Hawnhekk il-Prim Ministru għamel referenza għal każ tal-Maersk Etienne li għamel 38 ġurnata barra l-ibħra Maltin b’27 immigrant fuqu u sostna li kieku kull stat membru b’mod simboliku ħa immigrant wieħed il-kwistjoni kienet tiġi riżolta iżda minflok ħadd ma tkellem.

Il-Prim Ministru Malti spjega kif il-Forzi Armati tagħna salvaw eluf ta’ persuni minn fuq il-baħar imma bħalissa ma nistgħux nibqgħu nitkellmu biss fuq solidarjetà, issa hemm bżonn l-azzjoni. Il-fatt li se nitkellmu waqt Kunsill Ewropew tagħtina opportunità iżda r-realtà hi li għal dawn l-aħħar 4 snin, pajjiżi bħal Malta u l-Italja u oħrajn spiċċaw isofru pressjonijiet minħabba instabilità fil-Mediterran, qal Robert Abela.

Il-Prim Ministru Abela hawnhekk semma l-Libja u l-irwol li taqdi fil-kriżi tal-migrazzjoni u tenna l-importanza li jibqa’ jkun hemm koperazzjoni mal-Gwardja tal-Kosta Libjana li huma diġa’ għandhom riżorsi li huma limitati. Dr Abela qal li l-Libja hija vittma wkoll f’din is-sitwazzjoni u żgur mhux il-pajjiż li qed joħloq il-problemi, anzi qed ikun il-pajjiż li jiġi bis-soluzzjonijiet ħafna iktar milli l-Ewropa qegħdha tiġi bihom. Il-Prim Ministru tenna li Malta trid tibqa’ tagħti l-għajnuna lil Libja wkoll sabiex dan il-pajjiż ikun jista’ jiżviluppa u stqarr li waħda mis-soluzzjonijiet hija propju li jerġa’ jkun hemm il-prosperità ekonomika f’dan il-pajjiż u billi l-produzzjoni taż-żejt terġa’ tirranka.

Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għal dak li ġara f’Lesbos, il-Greċja, li wkoll serviet ta’ wake-up call u tenna li jekk il-pajjiżi membri jpoġġu kollha madwar mejda tista’ tinstab soluzzjoni minkejja li s-suġġett huwa wieħed kumpless qal Robert Abela.

“Ninsab kburi li l-Gvern li mmexxi jiena wettaq numru ta’ bidliet biex tissaħħaħ is-Saltna tad-Dritt” – il-Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru Malti qal li sa mill-bidu nett li ħa l-kariga ta’ Prim Ministru, l-intenzjoni tiegħu kienet dejjem li jsaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, jiżdiedu ċ-checks and balances u li jkunu msaħħa l-istituzzjonijiet. “Biex nagħmlu dan tlaqna fuq proċess wiesgħa mal-Kummissjoni Venezja, mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Oppożizzjoni u anke ma’ numru ta’ stakeholders oħra” spjega Dr Abela filwaqt li stqarr kif illum Malta daħlet sensiela ta’ riformi f’dak li huwa l-mod kif jinħatar il-President tar-Repubblika, il-Prim Imħallef, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-ġudikatura.

“Dawn il-bidliet jingħaqdu ma’ aktar poteri li ngħataw lill-Kummissjoni Permanenti ta’ kontra l-Korruzzjoni, filwaqt li għaddej aktar xogħol fuq riformi taħt il-kappa tal-Konvezjoni Kostituzzjonali mmexxija mill-President” qal il-Prim Ministru.

“Filwaqt li jiena kuntent bil-progress li għamilna, m’għamilnix biss tibdil kosmetiku imma għamilna tibdiliet li jmorru fil-qalba tal-qafas legali tagħna. Nemmen li dawn il-bidliet jistgħu jservu wkoll sabiex pajjiżi oħra jħarsu lejhom sabiex isaħħu l-mekkaniżmi tagħhom tas-saltna tad-dritt” qal Dr Abela.

Fl-aħħarnett il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li huwa kburi li mexxa dan il-Gvern f’dawn il-bidliet li saru.

Min-naħa tiegħu l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li huwa jinnota  u jirrikonoxxi l-progress li sar f’pajjiżna fir-riformi li saru biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.

Dwar l-immigrazzjoni, Charles Michel tenna li iva l-Unjoni Ewropea hemm bżonn li tieħu d-deċiżjonijiet u li jinstab kompromess sabiex ikun hemm l-għajnuna s-support lil dawk l-għajnuna milquta.

Share With: