Għotja ta’ premji lil dawk kollha li pparteċipaw fl-isfida tal-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat, Clifton Grima ħadu sehem fl-isfida tal-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’ tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Waqt din iż-żjara, il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari kellhom iċ-ċans jiltaqgħu mal-parteċipanti kollha.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega li: “L-għan ta’ dan il-programm tal-Aġenzija ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’ huwa li jħeġġeġ lil tfal sabiex itejbu dejjem iktar il-ħiliet tal-qari u l-ftehim tagħhom permezz ta’ attivitajiet divertenti mnebbħa mill-futbol u l-isport. Kien ta’ pjaċir kbir li llum niltaqa’ ma’ dawn it-tfal u nismagħhom ifaħħru inizjattivi bħal dawn għaliex bihom qegħdin inkattru l-imħabba għall-ktieb f’uliedna. Inħeġġeġ lil kull min hu nteressat biex jingħaqad magħna u biex iħeġġu lil sħabhom jieħdu sehem. Nirringrazzja lill-Aġenzija tal-ħidma bla heda biex tkompli trawwem atittudni pożittiva lejn il-qari u l-kotba fost it-tfal permezz ta’ programmi u inizjattivi li jippreżentaw il-qari u l-isport bħala attivitajiet li jmorru id f’id.”

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifon Grima rringrazzja lill-kowċis u ‘l edukaturi għall-isforz tagħhom biex dan il-programm ikun suċċess, u saħaq li dan huwa eżempju ċar ta’ kif wieħed jassigura li s-sistema edukattiva tagħna, filwaqt li tkun waħda effettiva, tassigura li tkun waħda ta’ interess u anke tara li tassigura li t-tfal jieħdu gost fit-tagħlim tagħhom.

Dr Grima kompla jinnota wkoll li l-qari u l-isport huma ta’ bżonn xulxin u li dejjem għandu jkun hemm bilanċ. Huwa kompla jinnota l-fatt li s-sistema edukattiva Maltija tħares lejn dak li huwa l-iżvilupp sħiħ tal-persuna u allura dawn it-tip ta’ programmi huma importanti għaliex irawwmu fit-tfal tagħna elementi essenzjali li se jiswuwhom ta’ ġid ‘il quddiem f’ħajjithom.Biex l-Aġenzija tkompli tħajjar lill-qarrejja żgħar jaqraw u fl-istess ħin ikunu iktar attivi waqt dan iż-żmien partikolari, il-Promoturi tal-Qari permezz tal-Futbol tal-Aġenzija; Gilbert Agius, Carmel Busuttil, u Saviour Darmanin, għamlu numru ta’ sfidi lit-tfal permezz tal-paġna fuq siti soċjali tal-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja/Footballers Read and Write Programme’.Għal dan il-għan, l-Aġenzija stiednet lill-ġenituri u kustodji ta’ tfal, li twieldu fis-snin 2008, 2009, 2010 u 2011, biex idaħħlu lil uliedhom li xtaqu jipparteċipaw f’din l-isfida.

Kull min ipparteċipa ngħata ktieb, ċertifikat iffirmat mill-footballers u tifkiriet tal-okkażjoni. Dawk it-tfal li rnexxielhom jegħlbu dawn l-isfidi ngħataw żewġ kotba u ballun iffirmat mill-istess coaches bħala premju.

Hekk kif tiftaħ l-iskola, l-Aġenzija se tkun qiegħda toffri l-isfidi lil dawk it-tfal li jixtiequ jieħdu sehem f’din l-isfida wara l-ħin tal-iskola. Għal iktar tagħrif fuq din l-inizjattiva wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja/Footballers Read and Write Programme’ jew ċempel 2598 3324.

Share With: