“Gvern Laburista kisser dak li beda jinbena mill-Indipendenza” – Adrian Delia

F’messaġġ f’Jum l-Indipendenza l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li d-deċiżjoni li ttieħdet dak iż-żmien ittieħdet bit-twemmin li aħna kapaċi nieħdu d-deċiżjonijiet. Adrian Delia qal li pajjiżna kien qed jikber u jiskopri lilu nnifsu sa minn dan it-twelid u saħansitra kiseb postu anke fl-Ewropa.

Żied jgħid li minkejja dan Gvern Laburista sfortunatament fena lil pajjiżna bil-korruzzjoni u kisser dak li kien qed jinbena. Kompla biex jgħid li għandna gvern assenti li fl-ewwel mewġa sema’ mill-awtoritajiet tas-saħħa u professjonisti, iżda llum Robert Abela qed jinjora u jgħid li m’għandniex it-tieni mewġa u periklu. Għamel distinzjoni bejn ftit tax-xhur ilu li kienet xi ħaġa stramba li tilbes il-maskra u llum li nħarsu bl-ikrah lejn xi ħadd li ma jilbishiex.

Skont Delia, irridu naraw dawn id-diffikultajiet tal-pandemija fil-kuntest ta’ korruzzjoni li qed ikollha riperkussjonijiet kbar u li l-Indipendenza li tatna ċertu saħħa li jkollna faċilitajiet tagħna, “ngħataw lill-barranin biex jisraqna”. Delia qal li jeħtieġ li bħala politiċi jeħtieġ jibdew jaraw kif jistgħu jservu aħjar mingħajr ma jħallu l-faqar ikompli jikber. 

Huwa ssuġġerixxa li bħal 65 sena ilu għandna nemmnu li kapaċi nibqgħu dipendenti u nibnu fuq it-talent lokali, il-ħbiberiji ta’ bejnietna u mhux fuq il-mibegħda sabiex niżviluppaw l-aqwa riżorsa li għandna li huma “n-nies tagħna”. Qal li pajjiżna jrid jattira t-talent u l-abbilità u mhux il-ħmieġ, dawk li jiġu biex jisirquna jew biex jaħarbu f’pajjiżna.

Delia temm jgħid li hu jemmen li bejnietna flimkien kapaċi nsewwu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u li l-ħaddiema ta’ pajjiżna kapaċi jinvestu u jkomplu jikbru mingħajr ma jkollhom jippretendu li jingħataw għajnuna meta ma jkollhomx bżonnha għax kapaċi huma stess jingħataw inċentivi.

Share With: