Ħames players jitkeċċew fit-telfa ta’ Paris St Germain

L-attakkant internazzjonali Brażiljan, Neymar, kien fost ħames players li tkeċċew f’temp ta’ tliet minuti fit-telfa li Paris St Germain sofrew f’darhom kontra r-rivali eterni Marseille, bl-iskor ta’ 1-0, liema partita kienet valida mill-kampjonat Franċiż.

Kollox seħħ minuta mit-tmiem meta l-midfielder ta’ Marseille Dario Benedetto u dak ta’ Paris St Germain, Leandro Paredes, ġew fl-idejn wara li t-tnejn daħlu għall-ballun … bil-konsegwenza li din il-ġlieda kibret hekk kif il-kollegi rispettivi nvolvew ruħhom sew.

Bil-konfużjoni li kien hemm, ir-referee, Jerome Brisard, kellu jirrikorri għall-VAR biex jara eżattament min kien involut.

Neymar intwera l-karta l-ħamra wara li ġie ġġudikat li ta bil-ponn fuq ras id-difensur Alavaro Gonzalez. Iżda waqt li kien ħiereġ mill-ground, l-attakkant Brażiljan deher jipprotesta hekk kif sostna li Gonzalez uża kliem razzista fil-konfront tiegħu fejn qallu: “Int tifel ta’ xadina …!”

U biex jagħmel l-affarijiet aktar diffiċli, fuq Twitter Neymar kiteb li l-uniku dispjaċir li kellu kien li ma tax daqqa ta’ ponn sewwa lil Gonzalez f’wiċċu.

Min-naħa tiegħu, Gonzalez wieġeb lil Neymar fuq Twitter stess billli qal li “Xi kultant trid titgħallem kif titlef. M’hemmx post għar-razziżmu waqt il-football … u jien ma użajt l-ebda abbuż.”

Intant l-erba’ players l-oħra li tkeċċew kienu Layvin Kurzawa u Leandro Paredes għall-Pariġini u Dario Benedetto u Jordan Amavi għal Marseille.

Din kienet it-tieni telfa minn daqstant logħbiet għal Paris St Germain bl-ewwel telfa tasal kontra Lyon, ukoll bl-iskor ta’ 1-0.

Il-goal ta’ Marseille ġie skorjat minn Florian Thauvin, fil-31 minuta.

Share With: