Iċċelebrat Jum il-Vitorja

Ritratti: ALAN SALIBA

Illum qed jiġi ċċelebrat Jum il-Vitorja li jfakkar it-tmiem ta’ tliet assedji storiċi li seħħew fil-Gżejjer Maltin. Dawn huma l-Assedju l-Kbir mill-Imperu Ottoman li ntemm fl-1565; l-Assedju ta’ Valletta mill-Franċiżi li ntemm fl-1800; u, l-Assedju matul it-Tieni Gwerra Dinjija mill-Armata Taljana li ntemm fl-1943

Għal din l-okkażjoni, dalgħodu sar tqegħid ta’ kuruna mill-E.T. il-President ta’ Malta George Vella, akkumpanjat miċ-Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali u s-Sindku tal-Belt Valletta fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir, il-Belt Valletta.  Dan il-monument kien maħdum mill-iskultur Antonio Sciortino u juri tliet figuri simboliċi; figura ta’ raġel iżomm xabla jirrappreżenta l-kuraġġ; figura ta’ mara żżomm tiara tal-Papa li tirrappreżenta l-fidi kbira tal-Maltin u figura ta’ mara oħra żżomm ir-ras ta’ Minerva. Matul it-tqegħid ħadu sehem stakkament ta’ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Wara dan, isir tqegħid ta’ kuruni mill-Kumitat Festi Nazzjonali mal-qabar tal-vittmi tal-Assedju f’forti Sant’Anġlu mal-monument tal-Vitorja, il-Birgu, mal-Knisja tal-Isla li tissimbolizza lil Malta Rebbieħa, u wara fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata fejn jiġu mfakkra l-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Wara nofsinhar issir ir-Regatta nazzjonali fil-Port il-Kbir, organizzata mill-Għaqda Regatta Nazzjonali. Minħabba l-pandemija tal-Covid-19, din l-attività se tkun qed tiġi mxandra b’mod dirett fuq TVM2.

Share With: