Id-dikjarazzjonijiet tad-dħul ta’ Berrnard Grech iqajmu aktar mistoqsijiet

Minn Victor Vella 

Id-dikjarazzjonijiet ta’ dħul li allegatament ddikjara l-kandidat għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fosthom li s-sena li għaddiet kellu dħul ta’ €28,970 qegħdin iqajmu aktar mistoqsijiet. Dan għall-fatt li l-ammont allegatament dikjarat minnu hu ferm baxx meta mqabbel ma’ informazzjoni pubblika fuq is-salarju medju ta’ avukat f’pajjiżna. 

Minn stħarriġ li għamlet Inewsmalta jirriżulta li skont l-aġenzija tar-riżorsi umani, Castille Resources, Junior Lawyer – jiġifieri avukat li jkun għadu kemm jilħaq jaqla’ bejn €20,000 u €28,000. Fl-istess waqt avukat bl-esperjenza ta’ Grech huwa stmat li jdaħħal bejn €60,000 u €70,000 fis-sena, jew kważi darbtejn u nofs dak li kien allegat li ddikjara Grech.

Minn €28,790 għal €48,187

Jirriżulta wkoll li anke bħalissa fl-eqqel ta’ pandemija, id-ditta Konnekt, ditta lokali ta’ riżorsi umani, qed tirreklama opportunitajiet għal xogħol ta’ avukat b’salarju bażiku ta’ bejn €33,000 u €35,000, u dan għal persuna li tkun ilha tipprattika tliet snin biss. Għal avukati b’aktar esperjenza l-istess ditta qed tirreklama vakanzi bi dħul bażiku ta’ €55,000 u €62,000.

Anke mal-Gvern il-pagi tal-avukati huma ferm ogħla minn dak li qed jingħad li allegatament ddikjara Bernard Grech. 

Esperi fil-qasam finanzjarju sostnew ma’ Inewsmalta li hu ferm ta’ tħassib il-fatt li skont dak allegat u li sal-lum għadu ma ġiex miċħud minn Grech, id-dħul iddikjarat minnu allegatament naqas minn €37,500 għal €28,790 fuq medda ta’ ħames snin. Dan ifisser tnaqqis ta’ kważi kwart. 

Dan meta tul dan il-perjodu, avukat fis-settur pubbliku li fl-2014 kien fuq l-istess dħul li kien iddikjara Bernard Grech sal-2019 kien żdied bi 11%, jew bi kważi €4,090. Minflok allegatament id-dħul ta’ Grech naqas bi €8,710. Dan ifisser  li kien hemm distakk ta’ madwar €12,800 fid-dħul ta’ persuna li taħdem fil-Gvern u dak li allegatament ddikjara l-kandidat għall-ħatra ta’ Kap Nazzjonalista. 

L-analisti finanzjarji żiedu jgħidu li anke fis-settur pubbliku dak li seħħ lid-dħul ta’ Bernard Grech kien ikun possibbli biss kieku dik il-persuna kienet ‘demoted’ b’minn tal-anqas tliet gradi f’dawn il-ħames snin. Fil-fatt anke junior legal officer mal-Gvern, jiġifieri avukat għadu jibda, ra żieda fis-salarju ta’ kważi €3,000 f’dawn il-ħames snin, altru mit-tnaqqis ta’ €8,710 li ra Bernard Grech.

Jirriżulta wkoll li jekk Grech allegatament  jaqla’ €28,970, huwa se jieħu żieda fenomenali fid-dħul jekk jiġi elett Kap tal-Oppożizzjoni. Dan għax din il-kariga s-sena li għaddiet kienet iġġorr pakkett ta’ madwar €48,187 – li jfisser żieda fid-dħul għal Grech ta’ 66%. 

Intant skont dak li allegat fil-midja, fl-2009 Bernard Grech iddikjara dħul ta’ €6,500. Dan meta dik is-sena l-paga minima nazzjonali kienet €7,616. L-analisti finanzjarji qal li huwa verament fatt inspjegabbli kif avukat li kien ilu daqstant jipprattika allegatament ikollu dan l-ammont ta’ dħul. 

Dejjem skont dak li allegat fil-midja, fl-2013 Bernard Grech iddikjara dħul ta’ €15,000. Sostnew li dan id-dħul ukoll iqajjem mistoqsijiet kbar. Dan għall-fatt li f’dik is-sena avukat li jagħti l -Għajnuna Legali kien jitħallas minimu ta’ €16,666 sa €19,113. Junior Legal Officer mal-Gvern kien jaqla’ bejn €17,753 u €20,437. 

Skont dak allegat fil-midja, il-kandidat għall-Kap Nazzjonalista  allegatament kellu nuqqasijiet fil-ħlas tat-taxxa mill-1990 sal-1996, mill-1999 sal-2011, u mill-2014 sal-2019. Dan ifisser li fl-aħħar 30 sena ma kienx korrett fil-ħlas tat-taxxa f’26 sena minnhom.  

Fil-fatt kienu darbtejn l-okkażjonijiet meta Grech waslulu twissijiet legali biex iħallas – fatt li jindika li huwa kien konxju min-nuqqasijiet. L-ammonti involuti – li qed jallegaw nuqqas ta’ pagament ta’ €62,000 – huma ammonti kbar u żġur mhux xi ħaġa li wieħed jista’ jinjoraha.

Intant ta’ min ifakkar li fir-rapport tagħhom il-Moneyval kienu ferm kritiċi tal-prattika lokali fejn il-Kummissarju tat-Taxxi Interni ma jipproċedix kriminalment kontra min jinqabad li ma ħallasx, imma minflok ikun hemm ftehim ta’ ħlas gradwali tal-ammont dovut. Skont l-esperti tal-Moneyval, kull min jinqabad b’nuqqasijiet fil-ħlas tat-taxxa għandu jitressaq il-qorti kriminalment, anke jekk dan jaċċetta li jħallas l-ammont dovut. Mhux magħruf x’inhi l-pożizzjoni ta’ Dr Bernard Grech f’dan ir-rigward, u jekk huwiex tal-opinjoni li din ir-rakkomandazzjoni tal-Moneyval għandhiex issir parti mill-prattika komuni hawn Malta. 

Anke skont l-OECD, persuni li jagħmlu dikjarazzjonijiet mhux veritieri għandhom ikunu ppenalizzati kriminalment, u dan huwa wieħed mill-għaxar prinċipji li din l-istituzzjoni internazzjonali tirrakkomanda biex tingħeleb l-evażjoni fiskali madwar id-dinja. F’rapport tal-OECD fuq din il-materja jingħad ukoll li f’wieħed minn għaxar każijiet ta’ evażjoni fiskali fil-pajjiżi membri dawk li jinstabu li evadew it-taxxa kien impost fuqhom restrizzjonijiet fuq karigi uffiċjali jew attività politika.

Share With: