Ideat Progressivi u Djalogu Apert

Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali bit-tema ‘Ideat Progressivi Djalogu Apert’, il-messaġġ ewlieni tan-Nisa Laburisti kien li din il-fergħa se tibqa’ minn ta’ quddiem biex twassal il-proposti tagħha lill-Partit Laburista u anki lill-Gvern Laburista.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif dan il-Gvern mhux biex jitkellem dwar l-ugwaljanza iżda jaħdem b’determinazzjoni favuriha.

Fost oħrajn, semma l-mekkaniżmu Parlamentari mmirat biex iżid ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament. Mekkaniżmu li dan il-Gvern ser jiżgura li jiġi implimentat fil-ġimgħat li ġejjin.

“Għaldaqstant dan il-mekkaniżmu li issa jrid jiġi f’liġi fil-ġimgħat li ġejjin, joħloq dak l-isnowball effect li tiżdied il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza ta’ nisa fil-Parlament tagħna u minn hemmek jaqbad il-momentum u jien nemmen li iva f’numru ta’ snin oħra dan il-mekkaniżmu jew ma jkunx meħtieġ iżjed jew jiġi applikat għall-irġiel.”

Waqt id-diskors tagħha, il-President tan-Nisa Labursita Nikita Zammit Alamango sostniet li rridu nħarsu lura lejn ħidmiet din l-għaqda biex tkun il-motivazzjoni li tgħina nixprunaw ‘l quddiem l-ideal progressivi moderat bħala fergħa fi ħdan il-partit.

Hija saħqet li dejjem se jkun hemm min jibża’ mill-bidla, peró kien il-poplu tagħna stess li wera l-fiduċja f’dan il-partit u f’dan il-gvern biex ikollna pajjiż aktar progressiv.

“Dak li sar fl-aħħar snin affetwa b’mod pożittiv l-ħajja tal-mara u tal-familji Maltin, għalhekk Nisa Laburisti ħasset li wasal iż-żmien li tkun minn ta’ quddiem biex twassal il-proposti tagħha lill-Partit Laburista u anke lill-Gvern Laburista”, temmet tgħid Nikita Zammit Alamango.

Għaldaqstant, Nisa Laburisti ppreżentat il-mozzjoni tagħha u qed tipproponi li:

– Tiġi riveduta l-liġi tal-2011 dwar id-divorzju, sabiex tirrifletti aħjar il-bżonnijiet tas-soċjetà Maltija fl-2020. B’mod partikolari, għandha tiġi studjata r-relevanza ta’ perjodu ta’ 4 snin ta’ stennija sakemm koppja jew wieħed mill-konjuġi jkun jista’ japplika sabiex jinbdew il-proċeduri ta’ divorzju quddiem il-Qrati Maltin.

– Il-Gvern għandu jistudja f’aktar dettall is-sitwazzjoni tax-xogħol flessibbli, inkluż, fost arranġamenti oħrajn, permezz ta’ remote working. Il-perjodu li għadna għaddejjin minnu wera biċ-ċar l-importanza u l-ħtieġa ta’ sistemi li jagħmlu l-aqwa użu mit-teknoloġija disponibbli għalina. Il-flessibilità fil-mod ta’ kif naħdmu mhux biss żammitna ekonomikament stabbli matul il-pandemija, iżda hija ppruvata li twassal ukoll għal bilanċ aqwa bejn il-ħajja u x-xogħol, kif ukoll għal iktar parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

– Tiġi riveduta l-liġi li tirrigwarda l-użu personali tal-kannabis, proposta bi sħab u qbil mal-Forum Żgħażagħ Laburisti. Nisa Laburisti jemmnu li l-użu u pussess personali tal-kannabis m’għandhiex tikkostitwixxi reat kriminali. Il-liġi, għaldaqstant, għandha tagħti lok għal użu personali u responsabbli mingħajr kriminalizzazzjoni, burokrazija, u esklużjoni jew stigmatizzar.

– Il-Gvern għandu jara li l-art maħsuba għal spazji miftuħa għall-pubbliku tissarraf f’ħolqien ta’ ġonna u spazji oħra rikrejattivi.

– Kif ġa ssottomettejna quddiem il-Kumitat relattiv, il-Gvern għandu jistudja f’aktar dettall il-kwistjoni tal-prostituzzjoni f’pajjiżna ħalli l-ħarsien ta’ min hu vulnerabbli, inkluż minuri, tingħata prijorita’. Għandha ssir reviżjoni fil-liġijiet tagħna biex min hu vittma tal-prostituzzjoni ma jispiċċax il-ħabs għax jitlajja. Tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar uman u għandha tiġi mnedija kampanja edukattiva u nformattiva bi programmi ta’ għajnuna favur min hu maqbud fil-problema tal-prostituzzjoni.

– Li tiġi studjata l-liġi tal IVF, Nisa Laburisti jtennu illi l-emendi introdotti fl-2015 għamlu differenza konsiderevoli fil-ħajja ta’ ħafna, iżda hemm bżonn naraw il-possibilità li tiġi legaliżżata s-surrogazija f’Malta permezz ta’ qafas regolatorju strutturat u li jħares id-drittijiet ta’ kull persuna involuta f’dan il-proċess tant delikat, u jikkriminalizza kwalunkwe abbuż jew sfruttar.

– Li jiġu introdotti skemi ta’ għajnuna finanzjarja għax-xiri ta’ kontraċettivi u prodotti iġeniċi relattivi, b’mod partikolari sabiex iż-żgħażagħ ikollhom iktar aċċess għal tali prodotti. F’pajjiż fejn l-abort m’huwiex legali, huwa kruċjali illi metodi ta’ prevenzjoni ta’ tqala jkunu aċċessibbli kemm jista’ jkun għal kull persuna. Għandhom isiru kampanji nformattivi sabiex titneħħa l-istigma jew mistħija marbuta mal-użu tagħhom.

Kull min huwa interessat li jressaq xi suġġerimenti jista’ jagħmel kuntatt mal-fergħa permezz tal-paġna ta’ Facebook Nisa Laburisti.

Share With: