Il-blockchain se jibda jintuża fil-proċessi tal-adozzjonijiet

Il-Ġimgħa, 4 ta’ Settembru 2020, tħabbar illi se jibda jsir użu mit-teknoloġija tal-blockchain fil-qasam tal-adozzjonijiet, u dan bil-għan illi jitnaqqas il-ħin tal-proċess tal-adozzjoni, kif ukoll titnaqqas drastikament il-burokrazija. Sal-lum, il-proċess kollu jirrikjedi ħafna karti u applikazzjonijiet.

Ħabbru dan waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo.    

It-tul tal-proċess sa issa jiddependi minn ammonti kbar ta’ dokumenti illi jridu jaslu ukoll bil-posta minflok b’mod diġitali. Dan irid jieħu f’konsiderazzjoni wkoll l-ammont ta’ partijiet involuti f’dan il-proċess, fosthom il-ġenituri adottivi prospettivi, l-aġenziji akkreditati, l-Awtorità Ċentrali Maltija, il-pajjiż minn fejn tkun ser issir l-adozzjoni, kif ukoll entitajiet tas-saħħa u l-qrati Maltin u tal-pajjiż involuti.

B’mod partikolari, permezz ta’ din it-teknoloġija ser jiġi ffaċilitat il-proċess tat-tiftix tal-oriġini tal-persuna sabiex verament jiġi mħares l-aħjar interess tat-tfal. Dan għaliex, permezz ta’ din it-teknoloġija, il-proċess tal-adozzjoni kollu ser ikun b’mod diġitali u jinżamm b’mod iktar sigur u għaldaqstant persuna tkun tista’ tmur lura għall-proċess tal-adozzjoni tagħha.

Il-Ministru Michael Falzon laqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva u fi kliemu fisser dan bħala kisba importanti, għat-tfal adottivi infushom, kif ukoll il-familji l-ġodda ta’ dawn it-tfal. Il-Ministru Falzon stqarr li din is-sena kien hemm impatt negattiv f’dak li huwa numru ta’ adozzjonijiet lejn Malta, kawża tal-pandemija tal-Covid-19.

Il-Ministru Falzon fakkar kif f’Lulju li għadda daħlet fis-seħħ il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, liġi li tant kien hemm bżonnha, speċjalment fejn jidħlu tfal vulnerabbli. It-tibdiliet fil-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, fejn fost oħrajn tfal li jkunu ilhom ħames snin f’foster care jkunu jistgħu jiġu adottati. F’ċirkostanzi straordinarji, iż-żmien ta’ stennija jista’ jinżel biss għal sentejn.

Il-Ministru Michael Falzon qal illi x-xewqa personali tiegħu hija li permezz ta’ dawn l-aġġustamenti nistgħu nesploraw il-possibilità li nibdew naraw adozzjonijiet lokali. Dan hekk kif fil-preżent f’Malta hawn mal-480 tifel u tifla li qegħdin taħt ‘care order’, u li ma jgħixux mal-ġenituri naturali tagħhom.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo semma kif il-miżura ta’ ‘Child Adoption through Blockchain’ tikkumplimenta l-viżjoni tal-gvern ta’ Malta diġitali.

Is-Segretarju Parlamentari spjega kif l-użu tal-blockchain ser ikun qed inaqqas il-burokrazija tal-applikanti għal adozzjoni fejn ser naraw iżjed simplifikar marbut ma’ dan il-proċess. Apparti minn hekk, ser tiżdied is-sigurtà u s-serħan il-moħħ tal-applikanti permezz ta’ data integrity u b’mod sinifikattiv ser jiġu eliminati ż-żamma ħażina ta’ dokumenti u informazzjoni skoretta fl-aħjar interess tat-tfal. 

“Sodisfatt immens li qed norbtu flimkien l-ekonomija diġitali flimkien mal-kwalità tal-ħajja. Il-blockchainmhix marbuta biss mal-investimenti barrani jew mal-ħolqien tax-xogħol, imma ser tkun qed tgħina bil-kbir biex inżidu t-trasparenza u l-effiċjenza tagħna fl-adozzjoni tat-tfal,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali Matthew Vella saħaq illi l-għan ewlieni tal-blockchain hu li l-Maltin ser jibbenefikaw minn sistema aktar effiċjenti li tnaqqas il-burokrazija u tissimplifika l-proċess tal-addozzjoni, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà kontra proċessi illeċiti. Barra minn hekk, permezz ta’ din it-tekonlogija ser inkunu qed nattiraw aktar pajjiżi minn fejn individwi u koppji Maltin ikunu jistgħu jaddottaw.

Share With: