Il-familja Mintoff imħassba bi żvilupp fejn id-dar tal-Perit

Il-familjari tal-eks-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dom Mintoff jinsabu mħassba bi żvilupp li qed isir biswit id-dar li huwa stess kien iddisinja u bena  f’Ħal Tarxien fl-1949.

Il-kwistjoni tikkonċerna l-iżvilupp li qed isir biswit il-Villa Olives fejn il-familja Mintoff qed tgħid li wara li ttella’ ħajt għoli 10 metri issa l-iżviluppatur tal-proġett irid li d-dar ma tibqax skedata biex jibni żewġ sulari oħra u l-ħajt jitla’ għal 16-il sular.

It-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar se jisma t-talba biex Villa Olives ma tibqax skedata proprju llum 17 ta’ Settembru bil-familja Mintoff qed tittama li din ma tintlaqax u qed tqis dan it-tentattiv bħala “attakk mhux biss fuq il-memorja ta’ wieħed mill-figuri ewlenin fl-Istorja moderna ta’ pajjiżna imma anke fuq il-kwalità tal-ħajja tal-ġirien”.

Il-familjari qed isostnu li bix-xogħlijiet li saru s’issa ġew ikkaġunati ħsara fil-bir li għandu 450 sena waqt li numru ta’ siġar mietu wara li l-għeruq tagħhom tqatta’.

Il-familja hija mħassba wkoll li jekk l-iżvilupp ikompli jogħla siġar taċ-ċitru li għandhom 200 sena u dawk taż-żebbuġ li għadhom mal-400 sena jispiċċaw fid-dell.

Share With: