Il-gvern se jkompli jżid ir-rata tar-riċiklaġġ bl-esportazzjoni tal-metall u tal-aluminju

Wara s-suċċess tal-linja l-ġdida fil-kumpless ta’ Sant’Antnin, fejn qed jiġi magħżul l-iskart riċiklabbli u l-esportazzjoni ta’ 6,550 tunellata ta’ ħġieġ, il-gvern, permezz tal-WasteServ, qed ikompli b’determinazzjoni jtejjeb ir-rata tar-riċiklaġġ. 

Bħalissa għaddejja operazzjoni ta’ riċiklaġġ fuq skala kbira fejn qed jiġi magħżul materjal riċiklabbli li nġabar fuq il-landfill tal-Għallis fl-aħħar tliet snin. Permezz ta’ din l-operazzjoni mijiet ta’ tunellati ta’ metall u ta’ aluminju qed jingħataw ħajja ġdida hekk kif jerġgħu jidħlu fil-katina tal-produzzjoni biex jiġu trasformati fi prodotti ġodda.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia meta mal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca żar ix-xogħol li għaddej fejn kuljum qed jiġu proċessati madwar 12-il tunellata ta’ materjali. “Dan huwa pass ieħor lejn ekonomija ċirkolari. Ninsabu determinati li ntejbu l-prestazzjoni ambjentali ta’ Malta hekk kif beħsiebna nibqgħu nindirizzaw sfida wara l-oħra”, qal il-Ministru Farrugia.

Il-ministeru dalwaqt se jkun qed iniedi pjan ġdid għall-immaniġġjar tal-iskart li se jikkonsolida b’mod konkret dan it-titjib b’approċċ fit-tul.

Share With: