Il-GWU b’tilwima industrija mal-aġenzija tal-visas

Il-GWU ddikjarat tilwima industrijali mal-Malta Residency Visa Agency (MRVA) minħabba d-dewmien biex jiġi konkluż l-ewwel ftehim għall-ħaddiema.

L-unjin għandha r-rikonoxximent ewlieni fl-MRVA wara li l-maġġoranza tal-ħaddiema għażlu li jissieħbu magħha.

Id-diskussjonijiet dwar il-ftehim kollettiv bdew madwar sena ilu imma minkejja li kien hemm qbil dwar diversi punti n-negozjati weħlu fl-aspett finanzjarju bħall-pagi u l-bonus.

In-negozjati kienu qed jitmexxew mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin u l-Kap Eżekuttiv tal-MRVA Charles Mizzi.

Kien għalhekk li l-GWU iddikjarat tilwima industrijali u nfurmat b’dan kemm lit-tmexxija tal-aġenzija kif ukoll lill-Industrial Relations Unit (IRU) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-prijorità tal-unjin hija li jitkomplew id-diskussjonijiet imma mhux qed teskludi li jittieħdu azzjonijiet industrijali.

Share With: