Il-GWU titlob laqgħa urġenti u twissi b’azzjonijiet b’rabta mal-leave tal-kwarantina

Il-GWU mhux teskludi li tieħu azzjonijiet industrijali f’diversi postijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema huma membri tagħha wara li numru ta’ impjegati li għandhom il-Covid19 ġew infurmati li se jinqalbu minn leave ta’ kwarantina għal leave tal-mard.

Fil-jiem li għaddew il-GWU talbet laqgħa urġenti lill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali, Carmelo Abela, biex tiddiskuti l-kwistjoni tal-leave tal-kwarantina u leave għall-mard.

Il-ħaddiema ġew infurmati li qed jinqalbu minn leave ta’ kwarantina għal leave tal-mard minkejja li n-notifika li jirċievu tgħid li huma jaqgħu taħt l-obbligi kollha tal-kwarantina inkluż il-multi u l-iżolament.

Fil-fatt il-liġi dwar il-kwarantina tgħid li l-impjegat għandu jingħata leave speċjali mingħajr telf ta’ paga meta huwa legalment obbligat li jirrispetta ordni ta’ kwarantina li tillimitah għal ċerta żona jew għal ċerti postijiet kif determinat mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Din il-kwistjoni qed toħloq inkwiet u inċertezza kbira f’dawn l-impjegati minħabba numru limitat ta’ ġranet tal-leave għall-mard u kien għalhekk li waqt li għamlet it-talba għal laqgħa urġenti l-GWU wissiet b’azzjonijiet industrijali f’postijiet tax-xogħol li qed jaġixxu b’dan il-mod.

Share With: