Il-GWU twissi dwar abbużi fix-xogħol kawża tal-Covid-19

Miktub minn Gaetano Micallef, Ritratti: Roger Azzopardi

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja wissa li rridu noqgħodu attenti għax bl-iskuża tal-pandemija hawn min japprofitta mid-drittijiet tal-ħaddiema u jwassal biex ikollhom kundizzjonijiet tax-xogħol li mhux xierqa.

Huwa għamel din id-dikjarazzjoni waqt żjara ta’ kortesija li delegazzjoni mill-Partit Laburista għamlet fil-Workers’ Memorial Building fejn iltaqgħet mal-amministrazzjoni ċentrali tal-unjin.

Għal-laqgħa kienu preżenti wkoll għan-naħa tal-GWU l-President Victor Carachi u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri waqt li dik tal-PL kienet immexxija mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Daniel Micallef u kienet tinkludi wkoll lis-Segretarju tal-Eżekuttiv Catherine Dimech u s-Segretarju Organizzativ William Lewis.

Bugeja irrimarka kif waqt li matul il-pandemija tal-Covid19 kien hemm ’employers’ li ittrattaw lill-ħaddiema tajjeb ħafna kien hemm oħrajn li ippruvaw jabbużaw speċjalment fejn m’hemmx unjin.

“Il-pandemija uriet l-ħtieġa li l-ħaddiema jkunu membri f’unjin tal-għażla tagħhom”

Josef Bugeja

Huwa sostna li l-pandemija tat lok ukoll għal tibdil fix-xenarju tax-xogħol u ġabet sfidi ġodda fuq il-ħaddiema u l-unjins fosthom fuq il-kwistjoni tad-dritt li wieħed ma jibqax jaħdem barra l-ħin tax-xogħol, ‘remote working’ u t-teleworking.

Dwar l-ewwel kwistjoni, magħrufa bħala ‘right to disconnect’, huwa irrefera għall-aħħar statistika tal-Eurostat li wriet kif kważi nofs il-ħaddiema f’Malta ġew ikkuntattjati barra l-ħin tax-xogħol.

Huwa semma kif l-GWU, anke b’ħidma mal-ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba, bdiet kampanja biex il-ħaddiem ikollu d-dritt li fil-ħin ħieles ma jibqax jiġi meqjus daqs li kieku kien qed jaħdem kif ukoll dwar il-ħidma mal-ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar dwar flessibilita fix-xogħol iżda mhux fid-drittijiet tal-ħaddiema.

Fuq il-kwistjoni tat-teleworking is-Segretarju Ġenerali tal-GWU sostna li għalkemm jista’ jitqies bħala pożittiv li impjegat jaħdem mid-dar irridu nħarsu lejn kwistjonijiet bħall-apparat li jrid juża l-ħaddiem u l-ħlas għalih u anke l-ħin tax-xogħol għax jista’ jkun li mid-dar jispiċċa jaħdem aktar.

Bugeja tkellem ukoll dwar modi ġodda ta’ xogħlijiet fosthom dik ta’ ħaddiema li xogħlhom huwa li jittrasportaw l-ikel fid-djar liema ħidma żdiedet ħafna matul il-pandemija.

Hawnhekk enfasizza li rridu nħarsu lejn xi drittijiet għandhom dawn il-ħaddiema, fosthom tal-ħlas, u kwistjonijiet oħra fosthom x’jiġri jekk iseħħ inċident tat-traffiku għax trid tkun ċara jekk humiex meqjusin bħala impjegati jew le anke fid-dawl li x-xogħol jingħata b’app.

Bugeja għamilha ċara li l-GWU mhix kontra forom ġodda ta’ xogħol madankollu nsista li f’dan kollu rridu nħarsu lejn il-ħarsien tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema biex id-drittijiet tagħhom ma jintilfux.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU irringrazzja wkoll lill-Partit Laburista u lill-Gvern Laburista għad-drittijiet li matul is-snin daħħal biex aġevola lill-ħaddiema.

Min-naħa tiegħu, il-Perit Micallef ukoll irrefera għall-pandemija u l-isfidi li din ġabet magħha kemm fuq il-pajjiż b’mod ġenerali kif ukoll fuq il-ħaddiema.

Huwa nsista li f’dan ir-rigward il-Partit Laburista jaqsam l-istess ħsibijiet ma’ dawk li għandha l-GWU jiġifieri li d-drittijiet tal-ħaddiema għandhom jiġu mħarrsa.

Il-Perit Micallef enfasizza li l-pajjiż m’għandux jibża’ minn modi ġodda ta’ xogħol u saħaq li l-importanti huwa li f’dan ix-xenarju ġdid jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema.

Share With: