Il-karba ta’ sid ta’ ħanut tal-kotba … l-effett tal-pandemija

Miktub Minn Maria Borg

Jekk irridu nkunu sinċieri, ħafna minna ma basrux li l-Covid-19 se tkun daqshekk kiefra.  Kiefra li tagħlaq l-iskejjel u l-knejjes.  Kiefra tant li tagħlaq ħwienet mhux essenzjali.  Kiefra tant li xi wħud minn dawn ma reġgħux fetħu. Fosthom kien il-Wise Owl tar-Rabat li kien ilu jopera għal 20 sena.  

Tkellimna mal-proprjetarju ta’ Wise Owl Mark Anthony Vella dwar it-tibdil u l-uġiegħ ta’ ras li ġabet magħha l-Covid 19.  Staqsejnieh qattx basar li ħa jkun hemm dan it-tibdil kollu fil-bejgħ u x-xogħol meta feġġet il-Covid 19.  Vella jgħid li “fil-bidu, dment li l-COVID 19 kienet kontenuta f’Wuhan, ftit stajt inbassar li f’temp ta’ ftit xhur kienet se tniżżel id-dinja fuq irkopptejha.  Iżda malli nfirxet u kien kemxejn ovvju li se jkun hemm restrizzjonijiet fuq is-safar immedjatament iddeċidejna li ntemmu l-kirja tal-ħanut ta’ Buġibba. Dan għal żewġ raġunijiet, waħda għax inzertajna fil-ħin tal-għażla jekk jiġġeddidx għal tlett snin oħra jew intemmu l-kuntratt. It-tieni għax in-negozji f’Buġibba jiddependu ħafna fuq it-turiżmu, b’saħansitra s-sajf irid jagħmel tajjeb għax-xhur twal tax-xitwa. Hawn kien diġà jidher ċar li s-sitwazzjoni fis-settur tat-turiżmu se tieħu fit-tul biex tistabbilizza. L-għażla hawnhekk kienet kemxejn sempliċi. Għall-ħwienet l-oħra ma kinitx sempliċement deċizjoni tagħna; lanqas ma ġejna obbligati nagħlqu mill-awtoritajiet”.

Jisħaq li “staqsejna lill-impjegati kif iħossuhom u fil-maġġoranza wrew li jħossuhom  aktar siguri jekk il-ħwienet jinżammu magħluqa. Għalaqna temporanjament u meta reġgħu bdew jiftħu l-ħwienet, ħadna l-miżuri kollha u ftaħna bħal ħaddieħor.”

Staqsejna lil Vella x’wassal għad-deċiżjoni tal-għeluq tal-ħwienet u hu ssostna li  “meta persuna li tħobb il-kotba tidħol f’ħanut minn tagħna, tispiċċa tintilef u ddum iddur u tifli. Bir-restrizzjonijiet tal-ammont ta’ nies, kif ukoll in-nuqqas ta’ żjarat fil-ħwienet, deher biċ-ċar li meta tagħmel il-kontijiet fuq numru ta’ ħwienet (bl-ispejjeż involuti) dawn ma kinux sostenibbli. Barra minn hekk tul il-lockdown qlibna għall-bejgħ ‘online’ bis-siti fuq Facebook Wiseowlmalta u Bargainboxmalta biex noffru servizz aħjar. Kien indispensabbli li naħdmu minn post wieħed f’Malta li hu akbar u fejn ikun hemm għażla ferm aktar attraenti u wkoll minn Għawdex, b’rispett għall-klijenti regolari Għawdxin. Sal-ġurnata tal-lum is-sistema online żammejnieha biex lill-klijent inkunu nistgħu naqduh ukoll mill-kumdità ta’ daru b’sistema ta’ delivery. Bħalissa għandna miftuħin ukoll il-ħanut Bargain Box (Ħamrun) u l-ħwienet Wise Bookshops (Swieqi u Victoria, Għawdex). Erġajna bdejna wkoll bil-fieri, dejjem b’rispett lejn  r-regoli tal-awtoritajiet.”

Tkellimna ma’ Vella dwar il-bidu ta’ dan kollu. Meta kien hawn lockdown f’Marzu, basar li se jkollu jagħlaq xi ħwienet?

“Ta’ Bugibba iva… Bsart għax jiddependi fuq it-turiżmu u sinċerament ma kienx ilu miftuħ. Tar-Rabat Malta kien ilu miftuħ 20 sena u ma kinitx deċiżjoni faċli. Tista’ tgħid, it-tifla trabbiet fih u l-ħanut li huwa proprjetà tagħna, illum jinsab għall-bejgħ.” 

Staqsejna lil Vella jekk jaħsibx li kieku ma kienx hemm deċiżjoni dwar l-għeluq tal-ħwienet lura f’Marzu jekk setgħux jiġu salvati.  Vella ma jaħsibx hekk.  “Il-prijorità tagħna kienet li nsalvaw l-impjiegi tal-full timers li d-dħul tagħhom u tal-familja kien unikament mill-ħwienet tagħna. L-għażla kienet li naqilbu ‘online’. Dawn bdew jaħdmu mid-dar u joffru l-istess servizz personalizzat li konna noffru mill-ħwienet. Hawn apprezzajt il-lealtà u d-dedikazzjoni li ħadmu biha f’dan iż-żmien ta’ prova. Aħna stess ma bsarniex x’se tinvolvi. Ma konniex nafu kif se mmorru iżda lkoll konna determinati li ma niddiżappuntawx lill-klijenti u lanqas ma nitilfu dak kollu li ħdimna għalih tul is-snin. Malajr ħadna risposta għax ilkoll spiċċajna naħdmu sigħat itwal biex inlaħħqu mal-korrispondenza elettronika. Saħansitra naf (billi jien nara kopja ta’ kull korrispondenza) li sa tard billejl kienu jkunu għadhom għaddejjin.  Apprezzajt ħafna dan is-sentiment ta’ lealtà tant li qatt ma riedu jgħiduli kemm għamlu sigħat żejda.”

Meta taħseb li s-suq jista’ jirpilja?

“Jiena nikteb l-Istorja (History) u minnha tgħallimt li l-bniedem qatt ma jitgħallem mill-Istorja. U l-Istorja tirrepeti lilha nnifisha. Jien inbassar li biex kollox jerġa’ jiġi fuq saqajh għandna l-isbaħ tliet snin. Ovvjament se jkun hemm tibdiliet, negozji li jispiċċaw u oħrajn li jfeġġu minflokhom. Sfortunatament ċerti avvanzi fit-teknoloġija, li suppost għenuna, fil-fatt ħadmu kontrina… Fejn fil-passat virus jew mikrobu kien jieħu x-xhur biex jasal minn post għall-ieħor, u l-kuntatt bejn pajjiż u ieħor, saħansitra raħal u ieħor kien limitat, bil-mezzi tat-trasport tal-lum infirex mad-dinja kollha f’ħakka t’għajn. Se jibqgħu magħna wkoll ħafna ‘biżgħat’ u għad nibqgħu naraw nies jiġru bis-sanitizers u maskri għall-ħafna snin li ġejjin (għalkemm il-mikrobi jagħmlu parti minn ħajjitna u l-ġisem irid ikollu kuntatt magħhom biex ikun jista’ jikkumbattihom!). Nara minn ommi li trabbiet imċaħħda mill-ikel tul is-snin tal-gwerra, sal-aħħar ta’ ħajjitha kienet tinkwieta jekk imur xi ikel għall-ħela.”

Bosta klijenti ħallew il-kummenti tagħhom għal din l-aħbar.  Kollha wrew is-sogħba tagħhom li l-ħwienet ser jagħlqu.  Omm ikkumentat li tixtieq takkwista kotba qabel jingħalqu l-ħwienet għax binha jħobb jaqra ħafna u tixtieq iżommu bogħod minn kindle. Klijenta oħra qalet li kien il-gost tagħha ddur mal-ixkaffar tal-ħanut għax tippreferi hekk milli xiri onlajn. Ħafna klijent qasmu l-esperjenzi u l-memorji tagħhom fil-ħanut tar-Rabat u wrew dispjaċir li dan ser jagħlaq.

Share With: