Il-Knisja ta’ San Pawl fir-Rabat mgħollija għal Bażilika (1)

Tfissser għarfien internazzjonali li din il-knisja hi magħquda intimament mal-ħajja tal-Appostlu San Pawl 

Minn Victor Vella

‘Hawn diversi postijiet f’Malta marbuta mal-miġja ta’ San Pawl. Iżda dan il-post marbut mal-predikazzjoni ta’ San Pawl u nimmaġina ukoll maċ-ċelebrazzjoni tal-Misteri Qaddisa tal-Magħmudija u l-Ewkaristija. Hu post għażiż ħafna għalina l-Insara Maltin. Għalhekk dan il-post jistħoqqlu kull ġieħ.”

Hekk kien iddikjara ftit xhur ilu Mons Arċisqof Charles J. Scicluna dwar il-grotta ta’ San Pawl fir-Rabat.  Propju lbieraħ wara l-quddiesa ta’ filgħaxija  Mons. Arċisqof qara id-digriet tal-Q.T. il-Papa Franġisku fejn il-Knisja Proto-Parrokkjali u Kolleġġjata ta’ San Pawl ġiet elevata għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri.  Wara l-Quddiesa, l-E.T. Mons. Arċisqof xegħel u jbierek is-Salib il-ġdid tal-Bażilika u kixef lapida kommemorattiva.

M’hemm ebda dubju li issa l-fatt li din il-knisja ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Bażilika hu għarfien internazzjonali li l-knisja hi magħquda intimament mal-ħajja ta’ San Pawl. It-tradizzjoni tgħid li San Pawl għex fil-grotta, taħt din il-knisja, meta ġie Malta fis-sena 60 Wara Kristu.

Artal u għamara liturġika ġdida 

L-għoti tat-titlu ta’ bażilika minuri lill-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl fir-Rabat tfakkar bi proġett fejn inbidlet l-għamara liturġika kollha tal-presbiterju tal-knisja. Il-proġett sar fl-irħam minn kumpanija Taljana, Lo Conte Marmi.

Is-Santa Sede titlob li l-artal ikun artal fiss u ma jkunx  jista’ jitneħħa u għalhekk biex dan seta’ jsir kellu jitkabbar il-presbiterju. L-estensjonbi tal-presbiterju kienet ta’ metru minn kull naħa.

Id-disinn tal-għamara u x-xogħol fil-bronz sar b’rispett lejn l-istil u l-kwalita’ tal-irħam tal-artal maġġur li nżamm. It-taraġ l-antik tal-artal maġġur tkabbar biex fuqu tpoġġiet l-artal mejda. 

L-għamara ġdida kollha hi komposta mill-ambone minn fejn tixxandar il-kelma ta’ Alla, żewġ gradenzini fejn jitpoġġew l-offerti qabel ma jittellgħu fuq l-artal u l-artal minn fejn titwettaq l-Ewkaristija u is-sedja li hu s-siġġu tal-President tal-Ewkaristija.

Il-proġett tħallas mill-parruċċani

Proġett bħal dan jirrikjedi somma finanzjarja sostanzjali. Minkejja li kien hemm benefatturi li kienu lestu jħallsu dan il-proġett, ġie deċiż li dak li jsir ikun proġett tal-parruċċani kollha. Filfatt, is-somma finanzjarja inġabret kollha fi żmien ftit ġimgħat.

“Qed nintrabtu li nipparteċipaw fil-karitajiet li tagħmel is-Santa Sede, il-Papa u s-suċċessuri tiegħu” – l-Arċipriet Louis Suban

Intant f’omelija li l-Arċipriet Louis Suban għamel nhar it-13 ta’ Settembru waqt it-Translazzjoni bir-relikwi tal-altar il-ġdid, qal li “din is-sena qegħdin niċċelebraw avveniment importanti, l-elevazzjoni ta’ din il-Knisja għat-titlu ta’ Bażilika. Illi d-digriet diġa ħareġ minn Ruma f’April imma minħabba ċirkostanzi ma stajniex inxandruh qabel. Dak li jkun jgħid imma eżattament xi tfisser din? Kull unur li jingħata miegħu jingħata responsabbilita. Din il-Knisja u jiena ngħid tat ħafna, rċeviet dan l-unur bħala rikonoxximent tar-rabtiet tagħha mal-Apposltu Missierna San Pawl. Din id-devozzjoni kbira u antika. U li narawha kuljum fil-ġranet normali, meta naraw tant nies minn madwar id-dinja jżuru l-post fejn kien San Pawl. Mhux biss ta’ din il-preżenza qaddisa, s-Santwarju mqaddes tal-Grotta imma anke tal-istorja kbira ta’ dan il-post, dan l-imkien li nistgħu insejħulu Santwarju għażiż għad-djoċesi kollha. Għaliex hu l-post fejn laqa’ lil San Pawl li ġab il-fidi.”

Mons Suban iddikjara li “ma’ dan l-unur li qed nirċievu minn Ruma qegħdin nintrabtu aħna li din il-Knisja nżommuha b’unur kbir, aħna bħala familji li ngħixu f’din il-Parroċċa, imma anke li nagħtuha lil oħrajn, inwasslu d-devozzjoni lil ħaddiehor. Illi nieħdu ħsieb ir-rabta kbira li għandna mal-QT il-Papa. Issa bħala Parroċċa, il-Knisja ser tkun marbuta uffiċjalment mal-QT il-Papa. Għalhekk niffesteġġjaw il-festi lli huma marbutin mal-konsagrazzjoni tal-Vatikan, tal-Lateran, ta’ S.Marija Maggiore. Dawn il-festi aħna issa se jkunu l-festi tagħna wkoll.”

Saħaq li “aħna wkoll ser nintrabtu li nipparteċipaw bil-qalb fil-karitajiet illi tagħmel is-Santa Sede, il-Papa u s-suċċessuri tiegħu. U bħala l-ewwel ġest, aħna ser nibgħatu somma għall-karitajiet li tagħmel is-Santa Sede madwar id-dinja. Din ser nibdew niġbru għaliha din il-ġimgħa. Din is-somma ser tmur biex il-Papa jkun jista’ jgħin lil dawk il-postijiet l-aktar milquta mill-faqar jew insara li għandhom bżonn l-assistenza tagħna. Mhux xi ħaġa ġdida, San Pawl ukoll għamel ġabra kbira mal-Mediterran kollu biex jgħin il-Knisja ta’ Ġerusalemm. U aħna bl-offerti tagħna ser ngħinu wkoll il-fqar li jkun jixtieq jgħin il-QT il-Papa. Mhux din is-sena biss. Ser ikun l-isforz ta’ kull wieħed u waħda minna. Meta kont xandart dan il-proġett daqs sentejn ilu bqajt skantat li ftit ġranet dan il-proġett kollu nġabar u ngħida pubblikament ukoll li kien hemm persuni li xtaqu lli jagħmluh waħedhom, imma nsistejt li dan l-altar huwa ta’ kulħadd u huwa tal-Parrocca kollha u nixtieq li l-offerti tiegħu jsiru mill-Parroċċa kollha. B’mod meraveljuż fi ftit ġranet inġabar kollu, tħallas kollu. Issa nistgħu nagħtuh lil Alla. Kollu kemm hu tagħna biex intuh aħna.”

Share With: