“Il-Korp għamel passi kbar ‘il quddiem fejn jidħlu drittijiet ta’ persuni LGBTIQ”

Tgħid dan is-Surġent Dona Frendo Magro

Minn Claudio Coleiro

Il-Korp tal-Pulizija għaraf jimxi maż-żminijiet u għamel passi kbar ‘il quddiem fejn jidħlu drittijiet għall-persuni LGBTIQ.

Dan iddikjaratu s-Surġent Dona Frendo Magro, f’intervista li saritilha minn Inewsmalta hekk kif f’dan ix-xahar qed jiġu ċċelebrati l-kisbiet fid-drittijiet ċivili għall-komunità LGBTIQ+.

Frendo Magro, li tifforma parti minn din il-komunità, ilha membru fil-Korp tal-Pulizija għal dawn l-aħħar 14-il sena u hija wkoll Shop Steward fi ħdan il-POU-GWU fejn tirrappreżenta lil persuni LGBTIQ fi ħdan l-istess Korp. 

Dona bdiet billi qaltilna li hija ma tħossx li llum il-ġurnata hemm xi forma ta’ distinzjoni bejn li persuna tkun eterosesswali jew omosesswali. Qalet li jekk ikun hemm opportunità fil-Korp, jew biex tavvanza fil-karriera, mhux se jkun hemm dak l-element ta’ inċertezza għax persuna tkun LGBTIQ.

“Jiena persuna LGBTIQ. Nilbes il-beritta tal-irġiel. Dik kienet xi ħaġa li kont ili niġġieled għaliha madwar sentejn u li mbagħad daħlet ukoll. Jekk persuna tħoss li għandha tilbes il-beritta tal-irġiel, jiena waħda minnhom, issa għandi l-libertà li nagħmilha,” qalet Dona.

Hija żiedet li hemm opportunitajiet ukoll għan-nisa fi ħdan il-Korp fejn illum tista’ tgħid in-nisa jinsabu kważi f’kull sezzjoni. “Bħala mentalità, il-Korp tal-Pulizija miexi ħafna ‘l quddiem, mhux biss fir-rigward tal-persuni LGBTIQ.”

Dona tgħid ukoll li hija qatt ma ħassitha diskriminata minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħha. “Jiena personalment qatt ma ħassejt li kelli xi diskriminazzjoni. Forsi l-karattru tiegħi hu dak li hu. Fl-aħħar mill-aħħar, l-orjentazzjoni sesswali tiegħek ma jiddeterminax dak li inti kapaċi tagħmel. L-importanti huwa li tagħmel xogħlok sew u tagħti l-100% bħala uffiċjal tal-Pulizija.”

Lil Dona staqsejniha wkoll x’tixtieq tara aktar fil-Korp, bix-xewqa tagħha tkun dik li jkun hemm aktar għarfien dwar dan il-qasam speċjalment meta persuni LGBTIQ jmorru biex jagħmlu rapport fl-Għassa.

“Ħafna minn sħabi li huma LGBTIQ, meta jaslu biex imorru jagħmlu rapport l-Għassa, kienu jċemplu lili għax iħossu li huma aktar qrib miegħi. Kienet tiġri ħafna din. Kien hemm drabi fejn anke nżilt magħhom l-Għassa.”

“Nixtiequ li jkun hawn aktar għarfien biex il-pulizija, bħala akkademiku, jkunu aktar konxji li dawn ir-realtajiet jeżistu u r-rapporti qed jikbru. Hekk kif ikun hemm każi ta’ vjolenza domestika bejn persuni eterosesswali, ikun hemm ukoll rapporti simili bejn persuni omosesswali wkoll.”

Finalment, Dona esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li f’dan ix-xahar li fih niċċelebraw il-gay pride, il-Korp tal-Pulizija tella’ l-logo li jirrappreżenta lill-komunità LGBTIQ+ fuq il-mezzi soċjali tiegħu, u fissret dan bħala “xi ħaġa kbira ħafna għalija illi tiġi rikonoxxut.”

Share With: