Il-pjan biex il-partitarji u s-segwaċi Ingliżi jirritornaw bħala spettaturi f’avvenimenti sportivi sa mill-1 ta’ Ottubru li ġej mhux se jseħħ

Sar magħruf li l-pjan biex il-partitarji u s-segwaċi Ingliżi jirritornaw bħala spettaturi f’avvenimenti sportivi sa mill-1 ta’ Ottubru li ġej mhux se jseħħ. Dan ġie kkonfermat mill-Ministru, Michael Gove, wara numru ta’ proġetti pilota f’diversi grounds tal-football fejn kienu qed jidħlu madwar 1,000 spettatur.

Wara li l-livell ta’ alert għall-Covid-19 tela’ għal 4, speċjalment wara ż-żieda fil-każijiet ta’ persuni infettati, saret laqgħa urġenti tal-kabinett li ħarġet għall-konklużjoni li għalissa jkun aħjar jekk il-logħbiet u l-avvenimenti sportivi jintlagħbu bil-bibien magħluqa.

Gove qal li l-pjan oriġinali tad-dħul tal-ispettaturi se jkollu jieqaf għal ftit minħabba li ma jridux li s-sitwazzjoni tiġi agħar speċjalment meta jkun hemm folol kbar barra l-avveniment. Huwa kompla jgħid li bħala gvern se jippruvaw li dan il-proġett iseħħ verament iżda l-ewwel u qabel kollox tiġi s-saħħa u s-sigurtá ta’ dawk kollha involuti. Għalkemm sostna li l-virus iktar jista’ jiġi trasmess ġewwa milli barra l-faċilitá, Gove saħaq li ma jridux jieħdu riskji u jilagħbu b’dawn l-affarijiet.

Sa minn Marzu li għadda meta twaqqaf l-isport kollu fir-Renju Unit, l-avvenimenti sportivi li komplew saru kollha bil-bibien magħluqa fosthom il-Premier Ingliż, il-finali tal-FA Cup, il-logħob tal-cricket u żewġ tiġrijiet tal-Formula 1 li saru f’Silverstone.

Sadanittant għadha qed tiġi investigata l-logħba li saret f’Marzu li għadda f’Anfield tal-UEFA Champions League bejn Liverpool u Atletico Madrid speċjalment bit-tixrid tal-virus li jidher li kien wieħed qawwi fost l-ispettaturi preżenti. Fl-istess ġimgħa seħħ ukoll il-festival ta’ Cheltenham li attendew għalihom numru kbir ta’ persuni.

Minkejja li l-kapijiet ta’ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw mitt sport differenti fir-Renju Unit kitbu uffiċjalment lill-Ministru Gove dwar ġenerazzjoni ta’ sportivi li tista’ tintilef minħabba dawn ir-restrizzjonijiet, il-Gvern għażel li jmur għall-kawtela u jara li ma jkunx hemm aktar problemi fejn għandu x’jaqsam kontroll ta’ dan il-virus li ddomina b’mod negattiv lid-dinja matul din is-sena.

Share With: