Il-President George Vella jinawgura proġett tal-pannelli solari fl-Inspire iffinanzjat minn Frank Salt Real Estate

Nhar il-Ġimgħa 21 ta ’Awwissu, il-President tar-Repubblika, George Vella, għamel żjara lill-Inspire Malta u inawgura s-sistema tal-pannelli solari PV installati riċentement mill-Fondazzjoni fuq il-bejt tagħha. Il-proġett li sewa €120,000, seħħ b’finanzjament ġeneruż minn Frank Salt Real Estate bħala parti mill-kampanja ambjentali tagħha “Let’s Go Environmental Drive”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Inspire,  Antonello Gauci u d-Diretturi tal-Propjetà Immobbli ta’ Frank Salt Real Estate Grahame Salt u Douglas Salt kienu preżenti għall-inawgurazzjoni.

B’kollox ġew installati 454 pannell solari PV fuq il-bejt tal-Inspire, stmati li jiġġeneraw madwar 253,000 unità ta’ enerġija fis-sena. Dan ifisser li Inspire se tiffranka ftit inqas minn €45,000 elettriku kull sena. Biex dan ikun possibbli, kienu meħtieġa bosta rinnovazzjonijiet u titjib fis-saqaf tal-fond tal- fondazzjoni f’Marsascala, li kienu jinkludu struttura sostanzjali tal-azzar  biex tappoġġja l-pannelli  kif ukoll tibdil mill-ġdid tal-pajpijiet eżistenti u l-infrastruttura tal-arja kundizzjonata.

Matul l-inawgurazzjoni, il-President enfasizza l-importanza ta’ Star 25, programm imwaqqaf mill-Fondazzjoni Inspire biex jipprovdi intervent speċifiku għal grupp ta ’ġuvintur u tfajliet b’diversi diżabbilitajiet. Dan jara li jiġu sodisfatti l- ħtiġijiet individwali ta’ dawn il-ġuvintur u tfajliet b’diżabilità permezz ta ’objettivi stabbiliti minn tim ta’professjonisti multi dixxiplinari.  Il-programm hu ta’  25 siegħa,  mit-Tnejn sal-Ġimgħa, għal 45 ġimgħa fis-sena. Dawk li jattendu l-programm jirċievu għadd ta’ ‘terapiji bħall-fiżjoterapija, ‘occupational therapy’ , ‘speech therapy’  u ‘hydrotherapy’.  Il-parteċipanti għandhom ukoll l-opportunità li jieħdu sehem f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, kemm bħala individwi u anke  bħala grupp.

“L-aħħar xhur kienu sfida għall-Fondazzjoni tagħna. Il- pandemija fissret impatt sinifikanti fuq il-finanzi tal-Fondazzjoni, bil-ġbir ta’ fondi jiġi sospiż. Proġett bħal dan huwa ta’ għajnuna kbira, għax jippermettilna nnaqqsu l-ispejjeż  u fl- istess waqt  inkomplu noffru s-servizzi tagħna lill-persuni b’diżabilità. Diġà qed naraw il-frott ta’ dan il-proġett u aħna verament grati li Frank Salt Real Estate wettqet dan il- proġett’, sostna Antonello Gauci, il-Kap Eżekuttiv ta’ Inspire.

Id-donazzjoni ta’ €120,000 lill-Fondazzjoni Inspire hija l-ikbar proġett ‘Corporate Social Responsibility’ li Frank Salt Real Estate wettaq s’issa. Dan jimmarka wkoll il-50 sena anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-kumpanija. Din l-inizjattiva tifforma parti minn bosta proġetti li huma parti mill-kampanja ‘Let’s Go Environmental’ tal- kumpanija.

“Il-fondazzjoni Inspire, bħal tant istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet simili oħra, toffri għajnuna imprezzabbli lil għadd ta ‘familji u jistħoqqilhom l-għajnuna kollha li jistgħu jiksbu mill-komunità Maltija“ iddikjara Grahame Salt, Direttur tal- Propjetà Immobbli ta’ Frank Salt. “Aħna kburin li stajna nwettqu dan il-proġett li se jipprovdi elettriku b’xejn lil Inspire għal bosta snin li ġejjin u importanti ħafna, din se tkun

enerġija nadifa li tgħin ukoll biex tnaqqas il-marka tal-karbonju tal-bini tagħhom – u għalhekk qed nolqtu  żewġ għasafar b’ġebla waħda. Inħeġġu negozji u individwi oħra li jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jgħinu b’xi mod, biex jagħmlu dan. Organizzazzjonijiet bħal Inspire jiddependu ħafna minn din it-tip ta’ għajnuna biex ikomplu joffru s-servizzi tagħhom.”

Share With: