Il-President ta’ Malta jħeġġeġ għall-parteċipazzjoni f’inizjattiva ta’ kontribuzzjonijiet mill-paga lill-Community Chest Fund

Il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ unjins u ta’ min iħaddem bil-għan li jsiru jafu aktar u jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar it-tieni inizjattiva tal-kampanja ‘Help us Help Others’, li The Malta Community Chest Fund Foundation varat fit-28 ta’ Awwissu li għadda. Din il-kampanja qed issir biex tagħmel tajjeb għat-tnaqqis kbir li kien hemm fid-dħul tad-donazzjonijiet minħabba t-tħassir tal-attivitajiet il-kbar tagħha, kaġun tar-restrizzjonijiet biex tiġi missielta l-imxija tal-COVID-19. 

L-ewwel inizjattiva hija x-xandira ta’ ġbir ta’ fondi li se ssir fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali kollha nhar il-Ħadd, l-20 ta’ Settembru 2020, bl-isem ‘Għinuna Ngħinukom’. Bit-tieni inizjattiva, li kienet it-tema tal-pranzu ta’ ħidma li sar fil-Palazz Verdala, qed isir appell għall- ġenerożità tal-impjegati billi joffru donazzjoni volontarja regolari kull xahar ta’ ammont mill- paga li jiddeċiedu l-impjegati stess skont kemm jifilħu. 

Il-President George Vella fisser li l-Community Chest Fund tirċievi bosta talbiet għall- għajnuna, fosthom għal għajnuna medika u soċjali. Irrefera għal kif, partikolarment fir-rigward tal-għajnuna medika, it-talbiet ma waqfu xejn iżda l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal- Covid-19 sfortunatament wasslu għal tnaqqis serju tal-fondi miġburin. Appella għall- koperazzjoni biex, kemm jista’ jkun, jitwassal il-messaġġ li, b’mod volontarju, l-impjegati jingħaqdu f’din l-inizjattiva ta’ solidarjetà. Il-President irringrazzja lil kull min għen u għadu jgħin biex il-Community Chest Fund tkun tista’ tassisti li min jiġi bżonn l-għajnuna, fosthom lill-Gvern ta’ Malta, li jintervjeni meta jkun hemm bżonn. 

Fi spjegazzjoni dwar l-iskema ta’ kontribuzzjoni mill-impjegati, iċ-Chairperson tal-Bord Amministrattiv tal-Community Chest Fund, Marlene Mizzi, fakkret li biex il-fondazzjoni toffri l-għajnuna lil firxa wiesgħa tas-soċjetà teħtieġ mal-€1,200,000 fix-xahar, bl-akbar spiża tmur fuq il-kura medika. 

Share With: