Il-president ta’ Napoli Aurelio de Laurentis jittestja pożittiv għall-Covid-19

F’dawn l-aħħar sigħat qamet kontroversja sħiħa wara li l-president ta’ Napoli Aurelio de Laurentis ittestja pożittiv għall-Covid-19 wara swab test li għamel. Jidher li dan il-president kontroversjali u produttur tal-films lokali u internazzjonali kellu ikla mad-diriġenti tal-club u ma qagħadx f’iżolament minkejja li ħass xi sintomi relatati ma’ dan il-virus. 

Il-gazzetta “La Repubblica” ħabbret li l-bieraħ filgħaxija wieħed mir-rappreżentanti tal-clubs tal-Lega Serie A ittestja pożittiv għall-coronavirus. 

Ħafna interpretaw l-aġir ta’ De Laurentis bħala irresponsabbli minħabba li hu kellu jistenna r-riżultat tal-iswab test id-dar aktar milli kompla b’ħajtu b’mod normali. Skont rapport fl-istess ġurnal, Aurelio de Laurentis u martu Jacqueline ħassuhom ma jifilħux wara li kienu għadhom kemm temmew vaganzi fil-gżira ta’ Capri.

Wara testijiet li sarulhom huma ngħataw parir sabiex jistennew ir-riżultati fil-kumditá ta’ darhom. Minkejja kollox, għal De Laurentis dan kollu minn widna daħal u mill-oħra ħareġ hekk kif xorta waħda mar għal-laqgħa li kellu tal-Lega Serie A.

Ħafna qed jibżgħu li De Laurentis seta’ kellu kuntatt dirett ma’ dawn ir-rappreżentanti partikolarment meta marru biex jieklu flimkien. 

Sadanittant waqt li kien għal din il-laqgħa, il-president Naplitan irċieva telefonata li kienet tgħid li t-testijiet li kien għamel hu u martu kienu ħarġu pożittivi. Hu informa immedjatament lil dawk li kienu fil-laqgħa u telaq ‘l hemm bla kliem u bla sliem.

Madankollu huwa deher f’filmati fil-belt ta’ Milan u kien qed iwieġeb lil numru ta’ ġurnalisti mingħajr lanqas biss kien liebes maskra. Huwa mifhum ukoll li ħadd minn dawk preżenti ma kien qed iżomm id-distanza soċjali.

Sadanittant “Il Corriere della Sera” ħabbar li l-kundizzjoni ta’ De Laurentis ma tantx marret għall-aħjar tant li kellu jibqa’ fis-sodda minħabba d-deni li kellu. 

De Laurentis diġá kellu xi kwistjonijiet mediċi fil-passat u għalhekk hu meqjus bħala persuna vulnerabbli.

Tul iż-żmien kemm ilu president tal-Partenopei, De Laurentis ma qagħadx lura milli jikkritika lill-UEFA fuq xi deċiżjonijiet u l-kontroversjali tibqa’ dejjem tiġri warajh. 

Share With: