Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mas-Segretarju tal-Istat Amerikan tad-Difiża Mark T. Esper

Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu kellu taħditiet bilaterali mas-Segretarju tal-Istat Amerikan tad-Difiża Mark T. Esper fil-Berġa ta’ Kastilja, fil-Belt Valletta.

Matul din il-laqgħa l-Prim Ministru Abela u s-Segretarju tal-Istat Amerikan Mark T. Esper iddiskutew għadd ta’ kwistjonijiet, fosthom ir-relazzjonijiet bilaterali u kif din ir-relazzjoni tista’ tkompli tissaħħaħ.

Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq l-isfidi tal-migrazzjoni, kif ukoll, b’mod separat, il-koperazzjoni bejn il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Forzi Armati tal-Istati Uniti. Aċċennaw li l-Forzi Armati tal-Istati Uniti se tipprovdi taħriġ formattiv u tekniku lis-suldati Maltin.

Apparti li jassistu lil Malta fil-militar fejn hemm relazzjonijiet mill-aqwa bejn iż-żewġ naħat, l-Amerikani jassistu ħafna lill-Armata Maltija f’taħriġ professjonali tas-suldati Maltin fl-oqsma kollha, inkluż fl-Ispecial Operations Unit.

Fil-fatt, kull sena l-Forzi Armati Maltin tibgħat numru ta’ uffiċjali u suldati fl-Amerika fejn jingħataw taħriġ speċjalizzat u uffiċjali Amerikani jiġu jagħtu taħriġ anke f’pajjiżna bil-għan li jintlaħqu aktar suldati Maltin.

Għal dawn id-diskussjonijiet kienu preżenti wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri.

Share With: