Il-Prinċep Harry u Meghan Markle protagonisti ta’ reality show fuq Netflix

Miktub Minn CARMEN CACHIA      

Mossa li kienet ixxokjat lir-Reġina Eliżabetta II, kif ukoll il-poplu tar-Renju Unit kollu, kienet dik li l-Prinċep Harry u martu Meghan Markle telqu l-obbligi rjali tagħhom biex jgħixu ħajja aktar privata bħala familja fl-Istati Uniti. Issa din il-koppja żagħżugħa reġgħet qajmet furur ieħor bl-aħbar li se tagħmel programm televiżiv – reality show – mal-kumpanija ġganteska Netflix.

Il-midja Ingliża qalet li l-koppja Sussex iffirmat kuntratt miljunarju minkejja li kienu qalu li d-deċiżjoni li jmorru jgħixu fl-Istati Uniti kienet ittieħdet biex ikollhom aktar privatezza ħalli jgħixu ħajja umli u trankwilla bħala familja.

Il-Prinċep Harry u l-eks attriċi Amerikana, Meghan, iffirmaw kuntratt ta’ £112 miljun (€123.5 miljun) ma’ Netflix fejn qiegħed jingħad li l-kameras se jsegwu lil din il-koppja għal tliet xhur sħaħ, possibbilment anke fir-residenza privata tagħhom. 

Għall-bidu kien tħabbar li huma kienu se jaħdmu wara l-kwinti tal-programm, iżda issa rapporti fil-midja Ingliża qalu li Meghan “trid turi lid-dinja min hija fil-verità”.

L-istess rapporti qalu li dan il-programm mistenni jkun popolari ħafna minħabba li din l-eks koppja rjali se ddaħħal lit-telespettaturi fil-ħajja privata tagħhom. Harry u Meghan kienu jgorru ħafna li l-midja dejjem tiġri warajhom, iżda issa ħafna qegħdin jistaqsu jekk din il-koppja kellhiex mottiv ieħor li titlaq l-obbligi rjali tagħha, fosthom li tkun libera u fl-istess ħin popolari fid-dinja tal-ispettaklu. 

Ir-rwol ta’ protagonisti f’reality show kbir fl-Istati Uniti huwa żgur mod sod kif jiksbu din it-tip ta’ popolarità li tiggarantilhom ukoll ħajja ta’ lussu mingħajr il-protokolli mposti mir-Reġina Eliżabetta lura fir-Renju Unit.

L-eks attriċi tas-serje popolari “Suits”, Meghan Markle u l-Prinċep Harry sostnew li permezz tar-reality show tagħhom, huma se jagħtu vuċi lin-nies involuti f’ħidma filantropika, jiddiskutu temi importanti bħall-ambjent, kif ukoll iwasslu għarfien dwar il-pjaga tal-faqar fid-dinja. Jidher li dan ir-reality show se jkun tip ta’ dokumentarji qosra.

Dwar dan l-iżvilupp ġdid l-editur tal-“Majesty Magazine”, Ingrid Sewards, qalet li l-koppja kienet talbet li tmur tgħix f’Kalifornja biex ikollha ċans għal ħajja privata u issa li ħarġet din l-aħbar, għaliha dak kollu li Harry u Meghan qalu, kien ipokritu.

Sadanittant kelliem għall-Prinċep Harry u Meghan ħareġ stqarrija li fiha saħaq li l-eks koppja rjali mhijiex se tkun protagonista f’ebda reality show.

Share With: