Il-Pulizija tkisser ċirku lokali ta’ traffikar ta’ droga b’konnessjonijiet ma’ barra minn Malta; Ħamsa arrestati

L-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga rnexxielha tkisser ċirku lokali ta’ traffikar ta’ droga b’konnessjonijiet ma’ barra minn Malta, bl-arrest ta’ ħames persuni u s-sejba ta’ żewġ kilos kokaina.

Ilbieraħ, wara diversi jiem ta’ osservazzjoni, il-Pulizija kkonludiet l-operazzjoni li wasslet għall-arrest tal-ħames persuni – mara ta’ 30 sena residenti ż-Żurrieq li ġiet arrestata ż-Żurrieq, raġel ta’ 30 sena residenti ż-Żurrieq li ġie arrestat Ħal Qormi, u tfajla Russa ta’ 22 sena residenti l-Mosta, raġel ta’ 36 sena residenti l-Mosta, u raġel ta’ 29 sena residenti l-Imsida li ġew arrestati l-Mosta.

Minn tfittxija li saret f’residenza fil-Mosta ta’ wieħed mill-irġiel, instabu ammont ta’ flus kontanti u  diversi pakketti b’sustanza kannella suspettata droga eroina li juru li ma kinux għall-użu personali tagħhom. 

Il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud ġie infurmat bis-sejba u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta Maġisterjali.  

L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja filwaqt li l-persuni mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.

Share With: