“Il-qari huwa importanti ħafna għax il-ktieb jiftaħlek l-orizzonti”

Minn Maria Azzopardi

Hekk kif fit-8 ta’ Settembru jiġi ċċelebrat Jum Internazzjonali tal-Litteriżmu, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, flimkien mal-Ambaxxaturi Maltin tal-Qari, iltaqa’ ma’ uħud mit-tfal li jifformaw parti mill-assoċjazzjonijiet tal-iscouts fejn enfasizza dwar l-importanza tal-qari. Huwa qal li waħda mis-17-il mira li l-Ġnus Magħquda tagħmel lill-pajjiżi kollha hemm l-edukazzjoni ta’ kwalità fejn f’din il-kategorija jaqa’ l-litteriżmu.

Waqt din il-laqgħa ntqal li hemm bżonn jintlaħaq bilanċ bejn il-logħob u li wieħed isib ftit mumenti fil-ġurnata biex jaqra. Il-Ministru Abela qal lit-tfal biex iħeġġu tfal oħra biex il-ktieb tassew ikun parti mill-ġurnata tagħhom għax iktar kemm wieħed jaqra’, iktar se jitgħallem.

Waqt il-laqgħa ntqal li edukazzjoni ta’ kwalità tpoġġi ‘l quddiem il-litteriżmu u li individwi litterati huma parti minn soċjetà bi żvilupp sostenibbli.

Intqal ukoll li l-importanza mhix biss li wieħed ikun jaf kif jikteb u jaqra imma li tkun kapaċi tikkomunika man-nies permezz tal-lingwi għax dan iwassal biex ikun hemm tassew futur aħjar.

L-eks footballer u l-Ambaxxatur tal-qari Carmel Busuttil qal li l-qari huwa importanti ħafna għax il-ktieb jiftaħlek l-orizzonti. Nicole Vella, Ms World Malta, qalet li huwa ta’ unur li hija ambaxxatriċi tal-qari u sostniet li l-qari jgħinek tuża’ l-immaġinazzjoni u jieħdok f’dinja oħra.

Skont il-Ġnus Maqgħuda hemm madwar 773 miljun adult u żagħżugħ m’għandhomx ħiliet bażiċi fil-litteriżmu u li 617 miljun tifel u adolexxenti mhumiex qed jilħqu livelli minimi ta’ profiċjenza fil-qari u l-matematika. Hija tgħid li meta wieħed ikollu edukazzjoni ta’ kwalità, ikun jista’ joħroġ aktar faċilment mill-faqar billi dak li jkun isib xogħol li jħallas sew. Ir-riċerka turi li trabi li jkunu esposti għall-qari u kitba jakwistaw ħafna benefiċċji.

Share With: