“Il-vuċi soda taż-żgħażagħ hija l-pass naturali li jmiss għal djalogu soċjali b’saħħtu u miftuħ” – Carmelo Abela

Il-vuċi soda taż-żgħażagħ, hija l-pass naturali li jmiss għal djalogu soċjali b’saħħtu u miftuħ. Din hija  l-viżjoni tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, responsabbli fost l-oħrajn mid-djalogu soċjali,  Carmelo Abela. Huwa sostna li hu jixtieq li jara t-tisħiħ tal-attiviżmu żagħżugħ fil-ħajja demokratika  bħala parti mid-djalogu soċjali fil-pajjiż. Il-Ministru Abela qal li filwaqt li huwa sodisfatt bix-xogħol  li għaddej fid-djalogu soċjali formali bejn il-gvern, ir-rappreżentati tal-ħaddiema u min iħaddem – permezz ukoll tal-MCESD – hemm spazju għas-suċċess taż-żgħażagħ u sabiex huma wkoll jagħtu l-kontribut tagħhom għall-futur tal-pajjiż. Il-Ministru Carmelo Abela qal dan waqt li ltaqa’ ma  rappreżentanti mill-għaqdiet taż-żgħażagħ JEF u MaltMun. F’din il-laqgħa dawn l-għaqdiet tkellmu  fuq l-għajnuna li ħadu mill-MEUSAC sabiex iwettqu l-proġetti tagħhom fil-qasam tal-attiviżmu taż żgħażagħ b’dibattiti fuq suġġetti ta’ natura nazzjonali, Ewropea u globali.  

Ir-rappreżentanti tal-għaqdiet taż-żgħażagħ urew il-gratitudni tagħhom għall-opportunità li huma ġew  mogħtija sabiex iwasslu l-fehmiet u x-xogħol tagħhom lill-membru tal-Kabinett. Iż-żewġ għaqdiet  iddiskutew mal-ministru d-dokumenti politiċi li huma ifformulaw fil-proġetti tagħhom biex isaħħu l ħiliet taż-żgħażagħ fejn jidħlu teħid ta’ deċiżjonijiet u bini ta’ opinjonijiet f’suġġetti bħad demokrazija u l-apatija qalb komunitajiet żgħażagħ Ewropej.  

“Importanti li meta bħala pajjiż nitkellmu fuq issues lokali jew Ewropej naraw li l-vuċi taż-żgħażagħ  qed tinstema. Huwa tajjeb li l-għaqdiet taż-żgħażagħ jingħaqdu flimkien u jikkontribwixxu għal  djalogu soċjali sħiħ u miftuħ. Irridukom tersqu bl-ideat tagħkom. Irridukom tagħmlu analiżi tas sitwazzjonijiet u tersqu lejna b’suġġerimenti. Intom il-mexxejja tal-lum. Biex nibnu futur flimkien  kulħadd irid ikun parteċipi”, qal il-Ministru Abela. 

Il-Ministru semma wkoll kif dan huwa gvern li jemmen fiż-żgħażagħ, li rrefera għalihom bħala l mexxejja tal-llum u ta’ għada, u allura dawn għandhom jieħdu interess fid-deċiżjonijiet li jittieħdu,  hekk kif dawn id-deċiżjonijiet jaffettwaw il-futur tagħhom. Fil-fatt, wieħed jista’ jinnota kif dan il gvern lura fis-sena 2018, emenda l-Kostituzzjoni sabiex l-età tal-votazzjoni ġiet riveduta u Malta saret  it-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea li naqqset l-età tal-vot għal elezzjonijiet tal-parlament nazzjonali u  Ewropej għal dik ta’ 16-il sena, wara li żgħażagħ tal-istess età ngħataw id-dritt tal-vot għall elezzjonijiet tal-kunsilli lokali fl-2014.  

Il-Ministru Abela appella liż-żgħażagħ sabiex ma jħallux il-COVID iwaqqafhom milli joħolmu u  jibqgħu attivi fis-soċjetà. Qalilhom li permezz tat-teknoloġija jistgħu xorta jkunu kreattivi u jibqgħu  jsemmgħu l-vuċi tagħhom. Huwa ħeġġiġhom ukoll sabiex iħeġġu żgħażagħ oħra jidħlu f’għaqdiet taż-żgħażagħ hekk kif il-ħiliet li wieħed jingħata permezz ta’ dan l-attiviżmu huma ħiliet li jmorru lil hinn minn dawk miksuba fl-edukazzjoni formali u jgħinu l-formazzjoni fil-karattru u l-ħsieb tal persuna.  

Il-Ministru Abela rringrazzja lill-MEUSAC għas-servizz professjonali tagħhom u għall-mod ta’ kif  jippruvaw jiffaċilitaw ħajjet il-benefiċjarji sabiex fil-qasam organizzattiv u finanzjarju jkunu jistgħu  jilħqu l-livelli meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn opportunitajiet eżistenti.

Share With: