Illum Floriana u Hibernians ikunu mpenjati fil-UEFA Europa League

Iż-żewġ timijiet Maltin li fadal fil-kompetizzjonijiet Ewropej, Floriana u Hibernians, illum ikunu mpenjati fit-tieni round ta’ kwalifikaz­zjoni tal-UEFA Europa Lea­gue.

Filwaqt li Floriana jmorru fl-Irlanda ta’ Fuq biex jilagħbu kontra l-Irlandiżi ta’ Linfield, Hiber­nians jilqgħu lill-Ungeriżi, Fehervar, fis- Centenary Sta­dium.

L-ewwel li se jilagħbu se jkunu Hibernians, bil-partita tibda fis-7.00 pm, biex din se tkun il-200 partita tat-timijiet Maltin fit-Tazza UEFA.

It-team immexxi mill-coach Stefano Sanderra jinżel għal din il-logħba b’moral għoli hekk kif ġejjin minn reb­ħa ta’ 2-0 li rreġistraw f’Liechtenstein kontra FC Vaduz li kienu l-ewwel avversarji minn dan il-pajjiż kontra timijiet Maltin.

Iżda fuq nota negattiva, il-Pawlisti se jkunu mingħajr il-midfielder, Bjorn Kristensen, minħabba li jinsab sospiż wara li ntwera l-karta l-ħamra f’nofs it-tieni taqsima kontra Vaduz.

Peró, fl-istess waqt huma jittamaw li jkollhom lill-attakkant Jurgen Degabriele fil-forma biex jirrepeti s- suċċess personali meta kien hu li skorja ż-żewġ goals f’Liechtenstein. Dan minbarra li skorja wkoll ma’ Malta (ftit tal-jiem ilu) fit-telfa ta’ 3-2 kontra Faroe Islands.

Jekk il-Pawlisti jirnexxielhom jegħlbu lill-Ungeriżi, fit-tielet round huma jilagħbu f’pajjiżna kontra r-rebbieħ bejn Servette (Svizzera) u Stade Reims (Franza).

Min-naħa ta’ Floriana, dawn ikunu mpenjati fid-8.45 pm, f’Windsor Park, f’Belfast.

Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li ġew eliminati mill-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Cham­pions League.

Filwaqt li Floriana sfaw megħluba mir-Rumeni, CFR Cluj, bl-iskor ta’ 2-0, l-Irlan­diżi tilfu 1-0 kontra Legia Warsaw tal-Polonja.

Minkejja din it-telfa kontra team li fil-passat lagħab fil-fażi tal-gruppi fil-kompetizzjonijiet Ewropej, Floriana dehru team kompatt u dan l-impenn tal-lum ma jidhirx impossibbli għalkemm huwa wieħed diffiċli.

F’każ li jikkwalifikaw, fir-round li jmiss Floriana jilagħbu kontra r-rebbieħ bejn Flora Tallinn u FR Reykjavik.

Share With: