Imnedija s-sitt edizzjoni tal-European Week of Sport minn SportMalta

Il-Ġimgħa filgħodu ġiet imnedija s-sitt edizzjoni tal-European Week of Sport minn SportMalta, il-Ko-ordinatur Nazzjonali tal-avveniment f’Malta. L-avveniment sar fil–Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop bil-preżenza tas- Segretarju Parlamentari għall- Isport, Clifton Grima u l-uffiċjali ewlenin ta’ SportMalta.

Il-European Week of Sport ġiet varata fl-Ewropa fl-2015, meta ġiet kreata fuq rispons ta’ nuqqas ta’ attivitá fiżika.

Minkejja li l-isport u l-attivitá fiżika huma parti sostanzjali u ta’ kontribut għall-benesseri taċ-ċittadini Ewropej, il-livell tal-attivitá fiżika qed jiġi staġnat kif ukoll jonqos f’ċerti pajjiżi.

Għalhekk, din il-European Week of Sport ingħatat bidu biex ikun hawn għarfien fuq l-importanza ta’ ħajja attiva għall-kulħadd.

Irrispettivament ta’ min aħna u x’nagħmlu, anke żieda żgħira ta’ kuljum ta’ attivitá fiżika jista’ jkollha mpatt profond fuq is-saħħa tagħna. Il-ġimgħa hija maħduma b’mod biex inkunu attivi.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, qal li ċ-ċirkostanzi partikolari tal-2020 għamlu dan l-avveniment bżonnjuż iktar minn qatt qabel. Iktar kmieni din is-sena, SportMalta żviluppat il-kampanja msemmija #BeActiveAtHome.

#BeActiveAtHome tip­prom­­wovi ideat u riżorsi għall-eżercizzji u attivitajiet fiżiċi matul l-avvenimenti bla preċedent tas-sena 2020. Għalhekk l-għan prinċipali huwa li l-kampanja tal-#BeActive tol­qot kemm jista’ jkun nies.

Is-Sur Cutajar kompla billi qal li SportMalta din is-sena ser tiffoka fuq tlett ijiem ta’ avvenimenti u erba’ suġġetti partikolari li huma sport, attvitá fiżika, attivitá fuq il-post tax-xogħol u attvitá barra.

Bejn it-18 u d-19 ta’ Settembru, fil-Kumpless ta’ Ħal-Kirkop se jsir festival tal-isport. Dan se jkun qed jinkludi football, basketball, volleyball, weightlifting, judo, mini-moto, go-karting, snooker, line dancing, ġinnastika, badminton, table tennis, handball, table football, mini polo, wheelchair basketball, drag racing, e-sport, u  indoor rowing.  Se jkunu hemm ukoll attivitajiet organizzati minn Special Olympics Malta matul dan il-festival.

Il-Beactive Night se ssir b’mod differenti u se tkun iffukata fuq attvitá fiżika. L-attivitá li se ssir fil-Kumpless ta’ Ħal-Kirkop ser tkun imxandra b’mod diretta fuq TVM2 fid-8.45pm.

Għoxrin personalitá diffe­renti se jkunu qed jikkompetu bejniethom f’diversi eżerċizzji fiżiċi li jistgħu jsiru effettivament minn kulħadd. 

Barra minnhekk, is-SurCutajar qal li qed issir kampanja fil-media biex aktar nies jiġu mħeġġa biex jagħmlu attivitajiet barra, biex fis-sempliċitá jtejbu l-kundizzjoni fiżika tagħhom.

Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil, qal li għaddejja diskussjoni mal-awto­ritajiet tas-saħħa pubblika biex jiġi żgurat li ż-żewġ avvenimenti jsiru skond il-linji gwida dwar is-saħħa pubblika. Huwa rringrazzja wkoll lill-impjegati ta’ SportMalta li żammew ir-ritmu u l-impenn biex pajjiżna jimxi lejn stil ta’ ħajja b’saħħtu.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li SportMalta għandha l-missjoni u l-viżjoni biex tippromovi Malta b’saħħitha u nklussiva

Huwa qal li jinsab kburi b’dak li nkiseb imma tagħtina aktar kuraġġ  sabiex nimxu ‘l quddiem u nilħqu għanijiet ikbar.

Hu tkellem ukoll fuq  il-kommunikazzjoni kontinwa  bejn l-assoċjazzjonijet tal-isport, SportMalta, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport sabiex l-isport jitkompla fin-normalitá ġdida.

Għal aktar dettalji, il-paġni www.maltabeactive.com u www.sportmalta.org.mt ser ikunu aġġornati kuljum b’aħbarijiet varji. 

Share With: